Konrad Mizzi jitlef tliet libelli u jirbaħ wieħed kontra l-gazzetta In-Nazzjon

Konrad Mizzi tilef tliet libelli kontra Simon Busuttil, Beppe Fenech Adami u George Pullicino

L-eks Ministru Konrad Mizzi tilef tliet libelli kontra Simon Busuttil, Beppe Fenech Adami u George Pullicino waqt li rebaħ ir-raba’ wieħed li kien fetaħ kontra l-gazzetta Nazzjonalista In-Nazzjon.

Mizzi kien fetaħ il-libelli wara dikjarazzjonijiet li saru fl-2014, jiġifieri li hu kien viċin uffiċjal tal-Enemalta li kien ingħata “trattament preferenzjali” meta kien akkużat li bagħbas smart meters.

Dak iż-żmien, Mizzi kien Ministru għall-Enerġija u kien fetaħ il-libell wara li In-Nazzjon kienet rabtitu ma’ dan il-każ.

Il-gazzetta kienet qalet li Louis Attard, deskritt bħala persuna “viċin ta’ Konrad Mizzi” kien ingħata trattament speċjali mill-Pulizija meta dawn kienu resqu diversi persuni b’akkużi simili għal tiegħu. 

L-allegazjonijiet saru wara li Attard ma kienx akkużat b’serq aggravat u dan minkejja l-pożizzjoni għolja tiegħu fl-Enemalta.

Busuttil, li dak iż-żmien kien Kap tal-Partit Nazzjonalista, kien kompla ma’ dawn l-akkużi fuq TVM, l-istess kif għamlu Fenech Adami u Pullicino.

Attard kien ingħata sentenza sospiża wara li l-Qorti sabitu ħati li kien installa smart meter imbagħbas fid-dar tiegħu. Il-Qorti tal-appell kienet dawret din is-sentenza.

Kemm Pullicino u anke Fenech Adami kitbu fuq Facebook wara li Mizzi tilef il-libell, b'dan tal-aħħar jinsisti li allura kellu raġun jgħajjar lil Mizzi “korrott.”

Id-Deputat Indipendenti, Konrad Mizzi, min-naħa tiegħu, insista li l-Qorti tagħtu raġun meta qal li l-gazzetta Nazzjonalista gidbet fuqu. 

More in Politika