'Il-Gvern mhux jieħu l-pandemija b'serjetà u se nżommuh responsabbli' - L-MUT

Fil-Jum Dinji ddedikat lill-Għalliema, il-Unjin tal-Għalliema appellat lill-Gvern biex jerfa’ r-responsabbilità għall-ftuħ tal-iskejjel

Fil-Jum Dinji ddedikat lill-Għalliema, il-Unjin tal-Għalliema (MUT) akkużat lill-Gvern li mhux qed jieħu b’serjetà l-pandemija u saħqet li se żżommu responsabbli għal kwalunkwe nuqqas fl-iskejjel.

Fi stqarrija, l-MUT saħqet li l-Gvern mhux qed ikun biżżejjed b’saħħtu biex jintroduċi u jinforza miżuri li jistgħu jikkontrollaw l-imxija.

“Issa ġejna f’punt li lanqas nistgħu nitkellmu dwar il-pandemija. Il-Gvern għadu mhux qed jieħu l-pandemija b’serjetà, kontinwament qed jipprova jnaqqas mill-effetti tagħha, anke meta jirrapporta l-imwiet,” insistiet il-unjin.

Tenniet dak li ilha tgħid fl-aħħar ġimgħat, jiġifieri li l-Gvern ma kienx ippreparat biżżejjed għall-ftuħ tal-iskola.

“Il-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbilità għall-ftuħ tal-iskejjel waqt pandemija fejn l-R-factor u l-għadd tal-każi pożittivi kuljum huwa għoli. Ma jistax jitfa l-ħtija fuq ħaddieħor,” insistiet l-MUT.

Kien hawn li saħqet li l-messaġġi li qed jintbagħtu, jiġifieri li l-edukaturi huma għażżiena jew inkella li qed jibżgħu jidħlu lura fil-klassijiet, juru kemm il-Gvern qed jipprova jitfa’ l-ħtija tiegħu fuq ħaddieħor.

“L-MUT se tkun qed iżżomm lill-Gvern responsabbli,” saħqet il-unjin u dan fid-dawl ta’ rapporti fuq il-midja soċjali, mhux ikkonfermati mill-awtoritajiet, li fl-aħħar jiem kien hemm xi każi fost edukaturi fi skejjel differenti. 

Il-Gvern, tkompli tisħaq, ma għandux policy ċara u konsistenti biex jipprovdi informazzjoni dwar każi pożittivi fl-iskejjel.

“Dan qed iwassal għal spekulazzjoni, bil-midja soċjali hija mimlija b’messaġġi dwar każi pożittivi. L-MUT mhux se tkompli ma’ din l-ispekulazzjoni iżda qed tistenna lill-Gvern biex jikkomunika mal-edukaturi, l-istudenti u anke l-ġenituri biex jassigura li qed jittieħdu l-miżuri neċessarji,” insistiet l-MUT.

Temmet tgħid li tittama li dan il-jum iddedikat lill-għalliema jiftaħ għajnejn il-Gvern biex jifhem dak li qed jgħidu u jibda jieħu l-pandemija bis-serjetà.

More in Politika