Illum tibda l-votazzjoni għall-Kap tal-PN; Aktar minn 21,000 tesserat eliġibbli biex jivvutaw

Ir-riżultat se jitħabbar nhar is-Sibt 3 ta' Ottubru

Illum, it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista se jkunu qed jibdew jivvotaw fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

L-għażla li għandhom quddiemhom it-tesserati, b'kollox 21,499, hija bejn il-Kap attwali, Adrian Delia jew il-kandidat Bernard Grech.

Fil-fatt, illum tibda l-early voting għal dawk li ma jistgħux jivvutaw il-ġimgħa d-dieħla. Illum il-votazzjoni tibda fis-6pm u tagħlaq fid-9pm biex tkompli għada bejn is-9am u s-6pm.

Nhar il-Erbgħa 30 ta' Settembru, fid-Dar Ċentrali, se ssir il-votazzjoni għall-persuni li għandhom problema ta' mobilità. Din tiftaħ fis-2pm u tagħlaq fl-10pm.

Il-votazzjoni tisskota bejn il-Ħamis l-1 ta' Ottubru sa nhar is-Sibt 3 ta' Ottubru.

Il-Ħamis u l-Ġimgħa l-votazzjoni tiftaħ fis-6pm u tagħlaq fid-9pm, filwaqt li s-Sibt il-votazzjoni f'Malta tiftaħ fit-8am u tagħlaq fl-4pm, filwaqt li f'Għawdex tiftaħ fit-8pm u tagħlaq fis-2pm.

Is-Sibt il-votazzjoni se tagħlaq kmieni biex ma jdumx ma jibda l-proċess tal-għadd tal-voti.

Il-votazzjoni se tkun qed issir fuq perjodu ta' jiem biex ma jkunx hemm folol u kjuws fil-postijiet tal-votazzjoni. Fil-fatt, it-tesserati qed jintalbu jmorru jivvotaw f'waħda mill-ġranet li jixtiequ huma bejn l-1 u t-3 ta' Ottubru iżda jmorru biss fil-postijiet indikati lilhom mill-Kummissjoni Elettorali tal-PN.

B'kollox, se jkunu qed jintużaw 18-il post tal-votazzjoni.

More in Politika