Rosianne Cutajar tirbaħ libell wara li ġiet mgħajjra 'qaħba'

Is-Segretarju Parlamentari tappella biex ebda mara ma taċċetta dan it-tip lingwaġġ

Rosianne Cutajar rebħet libell li kienet fetħet kontra Godfrey Leone Ganado u Rachel Williams li offendewha fi kritika lejha u wara li Leone Ganado għajjarha qaħba.  Hu kien qed jagħmel referenza għal stejjer li kienet ippubblikat Daphne Caruana Galizia li Cutajar kienet taħdem fl-industrija tas-sess, xi ħaġa li l-istess Cutajar dejjem ċħadet bil-qawwi. 

Illum il-Qorti tat rebħa lil kull tfajla u mara. Il-Qorti tat konferma f’żewġ sentenzi għall-kawżi li kont ftaħt...

Posted by Rosianne Cutajar on Thursday, September 24, 2020

F'kumment fuq il-paġna ta' Facebook tagħha, Cutajar sostniet li l-Qorti qalet illi dan mhuwiex aċċettabli fil-konfront ta' kwalunkwe mara jew tfajla. 

"Il-messaġġ hu ċar, l-ebda mara m’għandha taċċetta dan it-tip ta’ lingwaġġ," sostniet Cutajar. 

"Kull min jafni jaf li naċċetta kull tip ta’ kritika għax għandi rwol politiku. Ejja niddibattu, ejja ma naqblux iżda ejja ma niddeġenerawx f’lingwaġġ sessist ta’ din it-tip jekk verament irridu iżjed nisa fil-politika," saħqet is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza. 

(Dan l-artiklu qed ikun aġġornat)

More in Politika