27 immigrant arrestati wara 'rewwixta'; Żewġ Pulizija jweġġgħu

Uffiċjal tas-sigurtà qed jinżamm ukoll mill-Pulizija wara li spara b’senter li kellu fil-vettura lejn wieħed mill-immigranti li pprova jaħrab

Il-Pulizija qed iżżomm taħt arrest 27 immigrant li kkawżaw ħsarat fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni f’Ħal Far. Ħamsa minnhom ġew arrestati wara li ħarbu miċ-Ċentru.

Il-każ seħħ kmieni dalgħodu għall-ħabta tas-2:00am.

Skont il-Pulizija, l-immigranti msemmija bdew jitfgħu l-ġebel fid-direzzjoni tal-ħaddiema taċ-ċentru u seba’ Pulizija tar-RIU sofrew minn xi ġrieħi.

Fil-fatt, żewġ uffiċjali tal-Korp kellhom jiddaħħlu Mater Dei. Huma qed isofru minn ġrieħi gravi.

Irriżulta wkoll li wieħed mill-immigranti maħruba ġarrab ġrieħi wara li uffiċjal tas-sigurtà ta’ kumpanija privata spara lejh b’senter li kellu fil-vettura.

Dan ukoll iddaħħal Mater Dei u qed isofri minn ġrieħi ħfief.

Anke dan l-uffiċjal qed jinżamm mill-Pulizija għall-aktar investigazzjoni. 

More in Politika