Attivitajiet mifruxa fuq xahrejn minflok in-Notte Bianca

Se jkunu qegħdin jittieħdu l-miżuri applikabbli u neċessarji f’kull attività

Minħabba li l-pandemija mhux se tagħmilha possibbli li ssir in-Notte Bianca, li normalment issir fl-ewwel tmiem il-ġimgħa ta' Ottubru, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali ħabbar li l-attivitajiet li kienu ppjanati se jsiru kollha fuq medda ta’ diversi ġimgħat f’Ottubru u Novembru.

Fi stqarrija ntqal kif din id-deċiżjoni ttieħdet sabiex jiġu rispettati u mħarsa saħħet il-pubbliku ġenerali kif ukoll tal-artisti fiċ-ċirkustanzi tal-pandemija COVID-19.

Se jkunu qegħdin jittieħdu l-miżuri applikabbli u neċessarji f’kull attività.

"Il-Ministru José Herrera jinnota li f’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi jeħtieġ jittieħdu miżuri diffiċli, madanakollu fiċ-ċirkustanzi preżenti xorta għandna l-obbligu li nipprovdu soluzzjonijiet biex nagħtu l-appoġġ meħtieġ lill-artisti, hekk kif l-arti u l-kultura huma elementi importanti fis-soċjetà tagħna," saħqet l-istqarrija. "Notte Bianca kienet u eventwalment ser tkompli fi snin li ġejjin tkun l-akbar festa kulturali u artiska."

Din id-deċiżjoni kienet komunikata lill-artisti involuti fis-17 ta’ Settembru, u Festivals Malta qiegħda taħdem mill-viċin mal-artisti sabiex il-programm jinbidel f’kuntest ta' kollaborazzjoni sħiħa.

Il-Ministeru u Festivals Malta jikkonfermaw li l-attivitajiet kollha li kienu ppjanati li jittellgħu f’Notte Bianca fl-istat oriġinali se jkollhom l-opportunità li jiġu kkummissjonati biex itellgħu l-attivitajiet tagħhom matul dawn il-ġimgħat, madanakollu l-attivitajiet iridu jsiru bil-miżuri u r-rakkomandazzjonijiet kollha maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.

More in Politika