'Qabel jinfetħu l-iskejjel għandha tiġi mrażżna l-imxija tal-Covid-19' - Ġenituri

L-Assoċjazzjoni tal-ġenituri tal-istudenti li jattendu l-iskejjel tal-Gvern staqsiet jekk  il-protokolli maħruġa fit-2 ta’ Settembru hux meqjusa bħala effiċjenti biżżejjed fid-dawl ta' rata rekord ta’ każijiet ta’ Covid19 qatt irreġistrata f’24 siegħa

L-Assoċjazzjoni tal-ġenituri tal-istudenti li jattendu l-iskejjel tal-Gvern (MAPSSS) qed tisħaq li qabel jinfetħu l-iskejjel għandha tiġi mrażżna l-imxija tal-Covid-19.

Quddiem rata rekord ta’ każijiet ta’ Covid19 qatt irreġistrata f’24 siegħa, u evidenza ċara li l-imxija tal-Covid mhux qed tiġi mrażżna, MAPSSS temmen li għandhom jittieħdu l-miżuri kollha li hemm bżonn biex tiġi kontrollata l-firxa tal-virus. Hu evidenti li l-miżuri li ttieħdu sa issa ma kienu effettivi biżżejjed,” saħqu l-ġenituri.

Propju għalhekk li l-Assoċjazzjoni qed tistaqsi jekk hux prematur li l-iskejjel jiftħu fit-30 ta’ Settembru u jekk il-protokolli maħruġa fit-2 ta’ Settembru hux meqjusa bħala effiċjenti biżżejjed biex iħarsu saħħet l-istudenti u l-edukaturi fl-iskejjel. 

MAPSSS qed tistaqsi wkoll jekk l-implementazzjoni tal-protokolli hux se tkun lesta sal-aħħar tax-xahar.

“F’każ li s-sitwazzjoni preżenti twassal biex l-iskejjel jibdew joperaw skont xenarju 1 fit-30 ta’ Settembru, ċioè tagħlim onlajn, kull skola għandha tgħarraf lill-ġenituri liem pjattaforma diġitali se tintuża għal-lezzjonijiet onlajn sabiex il-ġenituri jilħqu jippreparaw irwieħhom,” saħqu l-ġenituri.

Appellat ukoll li hemm bżonn diskussjoni serja mal-Assoċjazzjonijiet ta’ Min Iħaddem biex ikun żgurat li l-ġenituri jingħataw l-opportunità ta’ telework fejn possibbli, u li ebda azzjoni dixxiplinarja ma tittieħed kontra ġenituri li ma jistgħux jagħmlu telework.

“MAPSSS tisħaq li Ministeru tal-Edukazzjoni għandu jiżgura li jilħaq b’mod effettiv lil dawk l-istudenti li “għebu” minn meta l-iskejjel ingħalqu f’Marzu. Għandu jkun żgurat li tfal żvantaġġjati, inkluż tfal ta’ familji bi dħul baxx u tfal immigranti fiċ-Ċentri Miftuħa, ikollhom aċċess għas-software, apparat u aċċess għall-internet sabiex jibbenefikaw minn edukazzjoni onlajn,” kompliet l-istqarrija. 

Qed tappella wkoll li  għandu jitwaqqaf b’mod immedjat il-Mental Healtcare Support Unit biex jindirizza l-inċertezza u l-anzjetà li qed iħossu l-istudenti.

More in Politika