Analiżi | Dak li qed nissottovalutaw? Id-determinazzjoni u l-għatx għat-tama elettorali

Hemm dak li jiġi ssottovalutat, jiġifieri li ma jingħatax biżżejjed valur u fit-tiġrija fil-PN dawn huma:  Id-determinazzjoni ta' Delia speċjalment meta jkun minn taħt u minn naħa l-oħra l-għatx qawwi ta' ħafna Nazzjonalisti biex il-PN joħroġ mill-fondoq elettorali ikrah li jinsab fih ...

Meta tissottovaluta lil xi ħadd jew xi ħaġa inti tagħti valur inqas lil dik il-persuna jew dik is-sitwazzjoni, mill-valur veru tagħha.  F'din l-analiżi tal-lum se naraw kif qed jiġi ssottovalutat Delia u kif qed jiġi ssottovalutat ukoll Grech - forsi minn barra mill-partit u minn dawk li mhumiex qegħdin fiċ-ċentru tal-ħidma tad-Dar Ċentrali. 

Fir-rigward tal-Kap kurrenti se nagħtu ħarsa lejn l-abilità tiegħu li jissopravivi minkejja li jkun fil-qiegħ jew inkella jekk ikun taħt it-toqol ta' ħafna kritika.  Adrian Delia huwa dak li  bl-Ingliż jissejjaħ survivor. 

Minn naħa l-oħra fir-rigward ta' Bernard Grech naraw kif jista' jkun qed jiġi ssottovalutat l-għatx qawwi li hemm fost bl-għeruq tal-Partit Nazzjonalista għall-bidla mis-sitwazzjoni elettoralment mwiegħra li jinsab fiha. 

Delia: Kważi f'kull ċirkostanza baqa' jqum mid-daqqa.  Imma issa?

Adrian Delia mhux l-ewwel darba li kellu jiffaċċja sfida li kienet tidher illi se tgħerrqu politikament.  Mill-infanzja politika tiegħu, meta kien għadu biss kandidat għall-kariga ta' Kap Nazzjonalista Daphne Caruana Galizia ppubblikat storja illi fiha allegat - u kien ikkonfermat - illi kellu kont f'Jersey (ġurisprudenza li mhix trasparenti) u li minn dan il-kont għaddew flus allegatament minn ċirku ta' prostituzzjoni f'Soho, Londra  - immexxi minn żewġt'aħwa Maltin.  Delia kien qal li dan kien Client Account u li l-flus ma kinux għalih. 

Iżda Caruana Galizia ma waqfitx hemmhekk.  U daret fuq diversi nies li dak iż-żmien kienu qed jikkampanjaw għal Delia - każi li seta' kellhom il-Qorti u l-karattru tagħhom. 

Iżda minkejja dawn l-akkużi u dellijiet Delia rebaħ. 

Waqt li kien Kap Nazzjonalista Delia sofra minn l-akbar telfa li qatt sofra partit politiku f'Malta mill-gwerra - meta tilef l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew b'distakk ta' ftit aktar minn 42,000 vot u f'isem il-PN reġgħu kienu eletti Roberta Metsola u David Casa, filwaqt li Frank Psaila li kuntrarjament għal dawn it-tnejn kien magħruf sew li qed jappoġġja lil Delia, baqa' l-art.  Iżda fl-istess waqt Delia tilef l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali b'distakk pjuttost umiljanti ta' ftit aktar minn 47,000 vot. 

Qamu l-irwiefen u sar vot ta' fiduċja f'Delia fil-Kunsill Ġenerali u  mill-ġdid Delia rebaħ.

Adrian Delia  - kienu żvelaw rapporti fuq il-midja - kien qed jiġi investigat fir-rigward ta' ħasil ta' flus fuq l-akkużi ta' Caruana Galizia u hawnhekk reġgħu qamu l-irwiefen, imma Delia baqa' f'postu. 

Saħansitra filmati ta' argumenti privati li kellu ma' uliedu u dak il-famuż rekording fejn jgħajjar lil Clyde Puli kif ukoll fejn qed jinstema' jgħajjar lil bintu spiċċaw daru mal-whatssapp.  Dan fl-istess żmien li se jissepara minn martu u fl-istess żmien li parti minn xhieda tal-istess familja spiċċat mxerrda fuq il-Whatssapp ukoll.  Minkejja li anke hawnhekk qamu l-irwiefen, Delia baqa' Kap. 

Delia kien - ftit biss wara li kienet ippubblikata l-konklużjoni/sommarju tar-rapport Egrant  - keċċa lill-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil mill-Grupp Parlamentari għax qal li kien ibbaża l-kampanja Nazzjonalista tal-2017 fuq gidba - kważi l-istess kliem ta' Muscat.  Din ħolqot ribelljoni fil-Grupp Parlamentari - bil-maġġoranza tad-Deputati jibqgħu ma jaħfrux lil Delia għal dan il-pass bla preċedent.  Delia baqa', iżda d-deċiżjoni tiegħu kellu jreġġaha lura. 

Delia kien - fil-vera sens tal-kelma  - umiljat minn oħt Daphne Caruana Galizia quddiem il-mafkar tal-ġurnalista fil-ħoġor tal-Monument tal-Assedju.  Delia sofra umiljazzjonijiet simili f'attivitajiet tal-massa ta' Repubblika meta bosta drabi Simon Busuttil, Jason Azzopardi u oħrajn kien jaqilgħu applawsi kbar filwaqt li Delia kien jaqla' indifferenza jew saħansitra tgħajjir.

U finalment Adrian Delia qed ikun akkużat li hu - permezz ta' Pierre Portelli - allegatament irċieva €50,000 jew madwar minn Yorgen Fenech, ir-raġel li qed ikun akkużat illi kien il-moħħ wara l-qtil ta' Caruana Galizia.  Din l-allegazzjoni indikaha l-ewwel David Thake, dakinhar ma kienx għadu sar Deputat Nazzjonalista, irrepetiha fix-xhieda Melvin Theuma u ta d-dettalji mill-ġdid tagħha f'xhieda ġuramentata Keith Schembri - li kien ħabib kbir ta' Fenech. Schembri kien qal li Portelli kien imur il-lobby tal-Portomaso u minn hemmhekk jiġbor €20,000 kull darba - flus mogħtija minn Fenech. Qal li darba sa dam jistenna siegħa għal dawn il-flus. 

Imbagħad, meta kien diġa' magħruf li Fenech huwa sid ta' 17 Black u wara li Delia kien qal li qatt ma kkomunika ma' Fenech irriżulta li fil-fatt kien hemm komunikazzjoni fuq il-whatssapp bejn it-tnejn.  F'każ minnhom biex Delia u Fenech imorru jieklu, b'Delia allegatament jgħidlu li Pierre Portelli se jirranġa kollox. 

Din kienet l-aħħar akkuża li mbagħad bdiet proċess li sa issa ra lil Delia jitlef dejjem għajr postu bħala Kap tal-Oppożizzjoni grazzi għal deċiżjoni Preidenzjali.  Delia tilef il-maġġoranza u l-fiduċja tal-Grupp Parlamentari, tilef għal darbtejn il-maġġoranza u anke l-fiduċja fl-Eżekuttiv  tal-PN u finalment tilef b'839 vot fil-Kunsill Ġenerali li kien hu li ddeċieda li l-partit jerġa' jmur għal elezzjoni ġdida ta' Kap Nazzjonalista - kontra x-xewqa ta' Delia. 

Sa issa, Delia wera' illi kapaċi jsalva u hu dejjem argumenta li qed isalva għaliex għandu lit-tesserati warajh.  Kemm se jsalva allura min dan l-aktar test importanti u kruċjali f'dawn it-tliet snin turbolenti tiegħu se jiddependi mill-kampanja li se jmexxi u kemm se jkun kapaċi jirrispondi b'mod sodisfaċenti mistoqsija waħda, importanti u li qegħda fuq moħħ ħafna Nazzjonalisti. 

Adrian Delia għandu l-kapaċità li joffri sfida lill-Partit Laburista u finalment inaqqas mid-distakk li hemm bejn il-PN u l-PL jew le?

Sa issa, in-numri fis-sondaġġi mhux qed jiffavorixxuh u  minkejja li Grech mistenni jaqla' tumakka mill-kwistjoni tat-taxxa, dan mhux se jagħti palata biżżejjed lill-kampanja ta' Delia  Jagħtih palata biss jekk ikun hemm persentaġġ "sinjifikanti biżżejjed" ta' tesserati li wara l-   istorja tat-taxxa jiddeċiedu li jaqilbu l-vot minn Grech għal Delia. 

Grech: L-għatx għall-bidla u tama elettorali

Biex wieħed jifhem sew il-linja ta' ħsieb u dak li nsejħulu l-forma mentis ta' ħafna Nazzjonalisti bħalissa jrid imur oltrè mid-diskussjoni (pjuttost ripettitiva) li għaddejja bħalissa ma' Grech u Delia. Filwaqt li kwistjonijiet bħall-immigrazzjoni, abort u aktar jistgħu jagħtu indikazzjoni kruċjali ta' fejn jinsab il-kandidat u fejn ikun kieku jsir Kap tal-Oppożizzjoni/Prim Ministru - mhumiex il-kwistjoni li proabbilment tinsab fuq moħħ kważi kull tesserat.  

Ftit xhur (jew madwar sena) qabel elezzjoni ġenerali l-Partit Nazzjonalista jinsab fit-triq ta' niżla gravi li tant hi kerha li tista' tkissru, tifirdu jew saħansitra tbiddlu kompletament minn kif nafuh illum.  It-tesserati se jfittxu salvauomo!  Xejn aktar u xejn inqas!

Wieħed irid jifhem li l-għatx għall-bidla, hija riżultat tal-għatx għall-voti li l-Partit Nazzjonalista ilu jitlef aktar minn 10 snin. 

Wara rebħa ċkejkna ta' 1,500 vot fuq il-Partit Laburista fl-2008, il-Partit Nazzjonalista sofra umiljazzjoni elettorali wara oħra bl-akbar waħda tkun fl-2019 u s-sondaġġi jindikaw li jekk issir elezzjoni bħalissa b'Delia bħala Kap it-telfa tkun akbar. 

Fl-2009 il-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew b'35,431 vot, fl-2012 il-Partit Nazzonalista tilef l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali ( mhux kollha - grupp ta' lokalitajiet) b'maġġoranza ta' madwar 15,000, imbagħad tilef l-elezzjoni ġenerali tal-2013 b'distakk ta' 35, 107.

Imbagħad kien elett Simon Busuttil Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fl-ewwel test  - fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2014 il-PN tilef b'distakk ta' 33,677 vot, fl-2015 fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tilef bi 11,200 vot (mhux il-Kunsilli Lokali kollha) u finalment fl-2017 il-Partit Nazzjonlista - flimkien mad-Deputati tal-PD f'ismu - tilef b'distakk ta' 35, 280 vot.

Imbagħad kien elett Adrian Delia fl-2017 stess. 

Sentejn wara, fl-ewwel test tiegħu Delia tilef l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2019 b'distakk rekord ta' 42,656 vot.  Fl-istess jum saru l-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali kollha ta'  Malta u Għawdex (għall-ewwel darba), bil-Partit Nazzjonalista jitlef b'distakk ta' 47,116-il vot.  Il-PN tilef, fost l-oħrajn, il-Kunsilli tal-Belt Valletta u s-Siġġiewi, għall-ewwel darba u reġa tilef lokalitajiet bħal Birkirkara, Mellieħa, Mosta, Tal-Pietà, l-Imsida u San Pawl il-Baħar - kollha lokalitajiet tradizzjonalment b'maġġoranzi Nazzjonalisti.  

Hija f'din ir-realtà elettorali li wieħed irid jikkunsidra wkoll s-sondaġġi li ilhom minn wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew juru lill-partit isofri minn tnaqqis u l-fiduċja f'Delia tinżel għal taħt l-20%. 

Fil-fatt ir-rata ta' fiduċja f'Delia għal din l-aħħar sena qatt ma qabżet l-20% u saħansitra kienet biss 11% fl-aħħar sondaġġ.

Dan ifisser li s-sens ta' entużajżmu fil-PN hu tant baxx - jekk mhux noneżistenti u dan tant kien ċar mill-fatt illi fi tliet snin sħaħ Delia lanqas biss seta' jimmobilizza attività tal-massa waħda.  Din għenet fil-perċezzjoni illi l-partit huwa diżorganizzat u li fi ħdan l-għeruq m'hemmx ħeġġa.  Dan jikkumpara aktar ħażin mal-fatt illi l-għaqda Repubblika li prattikament għadha kif twaqqfet immobbilizzat folol, xi drabi kbar, u ħadet f'idejha l-ġlieda kontra l-Gvern Laburista ta' Muscat. 

Wieħed ma jistax jissottovaluta s-saħħa u l-qawwa tar-rieda u x-xewqa ta' ħafna votanti Nazzjonalisti li quddiem żbalji, tnaqqis fil-popolarità u xhieda kerha ħierġa fil-Qorti fil-konfront ta' Joseph Muscat u Keith Schembri, il-PN jagħmel passi sinjifikanti fost l-elettorat. 

Huwa periklu reali ħafna fil-fatt illi d-distakk bejn il-partiti jiżdied b'tali mod li jagħti saħħa leġiżlattiva eseġerata lill-Partit Laburista u minn naħa l-oħra jdgħajjef lill-PN sal-punt li ma jkunx jista' jirkupra. 

Għalhekk wieħed ma jistax jissottovaluta l-fatt li minkejja li forsi jkun hemm punti fejn tesserat ma jaqbilx ma' Grech jew inkella fejn iħoss li l-proċess elettorali huwa sfurzat fuqu ladarba fl-2017 ivvota lil Delia, xorta jagħżel lil Grech sforz il-qagħda preżenti tal-partit.

More in Politika