Il-PM Robert Abela jindika bidliet fil-liġi tad-divorzju apparti bidliet f'dik tal-prostituzzjoni

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista jindika bidla fin-numru ta' snin minn wara separazzjoni li koppja tkun tista' tieħu d-divorzju

Il-PM Robert Abela
Il-PM Robert Abela

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela indika llejla - waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Għaqda Nisa Laburisti -  li se ssir reviżjoni fil-liġi tad-divorzju, fosthom fuq il-mekkaniżmu li permezz tiegħu koppja ma tistax tieħu d-divorzju jekk tkun ilha erba' snin li ħadet is-separazzjoni.  Abela staqsa jekk għadux jagħmel sens li koppja li ż-żwieġ tagħha jkun tkisser iż-żwieġ, trid tistenna erba' snin qabel tkun tista' tieħu d-divorzju. 

Il-perjodu ta' erba' snin kien parti mill-mistoqsija li saret u li dwarha l-poplu vvota f'referendum fl-2011.  Dakinhar 53.2% ivvotaw favur l-introduzzjoni tad-divorzju u 46.8% kontra.

Proposta oħra li Abela tkellem dwarha kienet il-prositutzzjoni. "M'aħniex qed nitkellmu dwar pajjiż li jinfetaħ għall-briedel.  Imma ejja nirrikonoxxu li ħafna nies għaddew minn ħafna problemi soċjali tant li għalihom l-unika triq li kien fadlilhom kienet tal-prostituzzjoni - għal diversi raġunijiet."  Il-Prim Ministru staqsa x'sens jagħmel li persuna tinxteħet ġewwa ċella wara li tkun ilha 12-il sena fil-prostituzzjoni.

"Joħorġu u jerġgħu jibdew bl-istess ċiklu ta' prostituzzjoni," saħaq Abela li elenka esperjenzi li kellu hu ta' realtajiet ta' drogi u nies li jkunu mġiegħla jidħlu fil-prostituzzjoni biex iħallsu l-proċeduri legali ta' sieħeb, per eżempju. 

"Ilna seba' snin u għadna ma ċċaqlaqniex. Daqt nagħlqu tmien snin (fil-Gvern) ... issa wasal il-mument tal-azzjoni," sostna Abela li reġa' saħaq illi mhux fl-interess tal-pajjiżna li tinfetaħ industrija tas-sess imma li jiġu indirizzati dawn ir-realtajiet.

More in Politika