X300: Rotta ġdida miċ-Ċirkewwa għall-Belt Valletta bi ftit waqfiet

Ir-rotta hija ddiżinjata biex tgħaddi mill-Isptar Mater Dei kif ukoll l-Università ...

X300:  Ir-rotta l-ġdida miċ-Ċirkewwa sal-Belt Valletta
X300: Ir-rotta l-ġdida miċ-Ċirkewwa sal-Belt Valletta

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri nedew rotta ġdida tat-trasport pubbliku bl-isem X300, li se tkun qed tgħaqqad it-Terminal fiċ-Ċirkewwa mal-Università u l-Isptar Mater Dei, G.F. Abela Junior College u l-Belt Valletta.

L-iskeda għal din ir-rotta ġdida se tkun sinkronizzata mal-iskeda tal-vapur tal-Gozo Channel, u se topera biss fil-waqfiet taċ-Ċirkewwa, Skate Park (għall-Isptar Mater Dei u l-Università), Kulleġġ (għall-istudenti tal-Junior College) u t-Terminus tal-Belt Valletta, sabiex l-utenti jaslu minn tarf għal ieħor tar-rotta f’madwar 60 minuta. Ir-rotta se tibda topera mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-6.00am sa s-6.45pm minn Ottubru 2020, b’erba’ vetturi dedikati ta’ 12-il metru li ddaħħlu fis-servizz fl-2020, u li jinkludu Wi-Fi b’xejn u USB Charging Ports.

Il-Ministru Ian Borg qal li l-impenn tal-gvern tagħna jibqa’ dejjem titjib tanġibbli fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. "Pass pass, dejjem qed naraw li ntejbu l-konnessjonijiet u s-servizzi tat-trasport għal dawk li ta’ kuljum jaqsmu bejn il-gżejjer. Dan is-servizz se jkun qiegħed iwassal għal mobilità aktar aċċessibbli, b’mod speċjali għall-istudenti Għawdxin li jridu jmorru lejn l-Università u l-Junior College u l-ħaddiema Għawdxin li issa jistgħu imorru Mater Dei jew il-Belt Valletta u jirkbu karozza tal-linja għall-post tax-xogħol minn dawn it-termini. Qed nitkellmu dwar aktar minn 1,100 student u kważi 4,000 ħaddiem. Se nkomplu ninvestu f’aktar servizzi bil-baħar, filwaqt li nħejju l-pjanijiet għal konnessjoni permanenti. Sadanittant, qed nagħmlu aktar investiment biex nużaw l-infrastruttura eżistenti b’mod aktar effiċjenti.”

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li dan hu pass importanti sabiex jonqos id-dewmien tal-Għawdxin biex jaslu fil-post tax-xogħol jew fl-istituzzjoni edukattiva. Kompla jgħid li, “Permezz tal-X300, se nsolvu parti mill-problema tal-konnettività tal-Għawdxin.” Huwa sostna li flimkien mal-Ministru Ian Borg se jkomplu jaħdmu sabiex itejbu l-konnettività, kemm permezz ta’ fast ferries, kif ukoll bil-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.

 

 

More in Politika