Ix-xogħol fuq sitt blokok b'73 appartament ta' akkomodazzjoni soċjali fl-aħħar fażi

Il-Ministru Roderick Galdes jgħid illi l-Gvern Laburista qed jonora bis-sħiħ il-legat tal-gvernijiet Laburisti tas-70ijiet u tat-80jiet li kienu kruċjali għal mobbiltà soċjali

Il-Ministru Galdes fejn l-appartamenti li qed jinbnew
Il-Ministru Galdes fejn l-appartamenti li qed jinbnew

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes żar is-sit ta’ housing soċjali ġdid f’Tas-Sisla Birkirkara li daħal fl-aħħar fażi hekk kif bdew jiġu mgħoddija s-servizzi u bdew il-finishes. Is-sit ta’ 3,000 metru kwadru jinkludi sitt blokok b’73 appartament u 56 garaxx li qed isiru b’investiment li jeċċedi l-€4.3 miljun.

Il-Ministru Galdes sostna li dan l-investiment bla preċedent huwa xhieda li l-gvern sema’ l-karba tal-batut u tal-emarġinat, li qabel l-2013 kienet qed tingħata l-ġenb, karba għal dar adekwata fejn wieħed jista’ jgħix ħajja dinjituża u jiżviluppa l-ħiliet tiegħu.

“Din il-karba smajnieha u llum kburi li qed inħabbar li l-investiment bla preċedent li qed nagħmlu fis-settur tal-housing, l-akbar investiment f’40 sena, qed jibda jagħti l-frott u qed naraw proġett ieħor li daħal fl-aħħar fażi tiegħu”.

Żied jgħid li ta’ kuljum jiltaqa’ u jitkellem mal-applikanti għall-akkomodazzjoni soċjali u jifhem il-bżonnijiet tagħhom. Tenna li dawn l-appartamenti għal xi wħud m’għandu l-ebda valur iżda għal dawn il-familji jfisser tama ta’ ħajja aħjar, tama ta’ għada aħjar.

“Għaldaqstant aħna qed noffru din it-tama, kommessi li l-mudell ta’ housing soċjali tal-futur ikun wieħed fejn ma ninvestux biss fil-ġebla, ma nagħtux biss erba’ ħitan jew ċavetta ta’ appartament iżda li nagħtu appoġġ ħolistiku u soċjali lill-inkwilini ta’ dawn il-blokok kemm qabel kif ukoll wara l-allokazzjoni”.

Ikkonkluda li l-Gvern Laburista qed jonora bis-sħiħ il-legat tal-gvernijiet Laburisti tas-sebgħinijiet u tat-tmeninijiet li kienu kruċjali għal mobbiltà soċjali ta’ mijiet u ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin li kienu maqbudin fil-morsa tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali.

“Il-ħidma tagħna mhux se tieqaf hawn, mhux se nistrieħu fuq il-kisbiet tagħna. Qegħdin fit-tieni fażi tal-preparamenti sabiex Malta jkollha l-ewwel sistema nazzjonali tal-housing li se tinkorpora viżjoni fit-tul li se taħseb f’kulħadd”.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay tenna li, “Bħala Awtorità tad-Djar huwa verament ta’ sodisfazzjon li dawn il-proġetti ta’ housing soċjali ġdid jinsabu pass eqreb biex imorru għand dawk il-familji li mingħajrhom ma jistgħux jimxu ’l quddiem. Bil-viżjoni tagħna li anke tinbidel il-policy ta’ allokazzjoni ta’ housing soċjali, sabiex tirrifletti l-bżonnijiet soċjali tal-ġurnata u sabiex nassiguraw is-sostenibbiltà ta’ dan l-istock, se narawa tinbidel f’realtà. Ladarba l-familji ġenwinament fil-bżonn narawhom deħlin mill-bibien ta’ dawn l-appartamenti verament se nkunu qegħdin b’mod tanġibbli nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ individwi li ġejjin minn kull parti tas-soċjetà”.

More in Politika