Jinżamm arrestat ir-raġel li nqabad fil-fatt jisraq żewġ barbaġanni mill-Buskett

Ir-raġel kien akkużat ukoll b’moħqrija tal-annimali għax biddel l-apparenza tal-barbaġanni misruqa biex ma jintgħarfux

Inżamm arrestat ir-raġel li nqabad jisraq żewġ barnaġanni mill-Buskett.

Ir-raġel li għandu 32 sena, minn Ħaż-Żabbar inqabad fuq filmati tas-CCTV u aktar tard ġie arrestat mill-Pulizija.

Huwa tressaq il-Qorti llum akkużat li seraq il-Barbaġanni mill-FKNK u saħansitra biddel l-apparenza tagħhom biex ma jintgħarfux.

Ir-raġel kien akkużat ukoll b’moħqrija tal-annimali, li wettaq ħsara u li daħal f’proprjetà privata.

Id-Difiża talbet il-ħelsien mill-arrest iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għax fakkret li għad hemm persuni li rawh u li għad iridu jixhdu.

L-Ispettur Roderick Attard qal li dawn se jittellgħu jixhdu fl-ewwel smigħ.

Għalhekk il-Qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest. 

More in Politika