Gwerra għal-lampuki ... Ippubblikati ritratti ta' sajjieda Tuneżini jistadu fuq il-kannizzatti Maltin

Fil-bidu tal-istaġun is-sajjieda Maltin kienu mwiegħda li se jkollhom il-protezzjoni tal-Forzi Armati ta' Malta

Il-Forzi Armati ta’ Malta fallew milli jipproteġu sajjieda Maltin minn bastimenti Tuneżini li jassedjawhom u jisirqulhom il-lampuki fil-qalba tal-istaġun tal-sajd u dan minkejja l-wiegħda li saritilhom.

Qal dan l-eks Kandidat Nazzjonalista Peter Agius, bi tħassib simili jagħmlu wkoll l-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba li għall-kuntrarju ta’ Agius ma weħħilx fl-awtoritajiet Maltin għal dan in-nuqqas.

Fil-bidu tal-istaġun għas-sajd tal-lampuki, il-Ministeru responsabbli mis-Sajf qal li l-Forzi Armati ta’ Malta se jkunu għassa fiż-żoni li fihom is-sajjieda Maltin ikunu qed jistadu bil-għan li jipproteġuhom mill-bastimenti Tuneżini.

Madanakollu, fuq Facebook, Agius saħaq li l-wiegħda li għamel il-Ministru Anton Refalo kienet biss “xena għat-television.”

Fenech ippubblika ritratti ta’ bastimenti Tuneżini jistadu fl-ibħra Maltin fuq il-kannizzati tas-sajjieda Maltin.

“F’żewġ każijiet separati, ċemplu lill-armata għall-għajnuna u qalulhom “bħalissa ma nistgħux niġu, għamlu rapport la tidħlu l-art!”. F’kelma waħda, il-wens imwiegħed kien għat-TV biss. Bir-rapporti biss mhux se nsolvu xejn,” kiteb Agius.

Is-sena li għaddiet, sajjieda kienu spjegaw kif jiġu mhedda minn sajjieda u bastimenti Tuneżini, b’bastimenti partikolari, imlaqqam Bin Laden, saħanistra jhedded li jgħaddi minn fuq id-dgħajjes tas-sajjieda Maltin.

Agius Saliba wkoll ippubblika l-istess ritratti u wera t-tħassib tiegħu.

Fakkar li s-sena li għaddiet huwa kien talab lill-Kummissjoni Ewropea biex tipproteġi lis-sajjieda Maltin. Insista li se jerġa’ jkun qed jagħmel l-istess biex jieqaf dan l-abbuż.

More in Politika