'It-twissija tingħata bħala prassi fil-proċedura' - Muscat jirreaġixxi għax-xhieda tal-Ispettur Zahra

Ilbieraħ l-Ispettur Zahra kkonferma li Joseph Muscat kien interrogat taħt twissija

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li jinsab infurmat li t-twissija tingħata bħala prassi fi proċedura użata mill-Pulizija.

Muscat qal dan b’reazzjoni għall-fatt li lbieraħ, l-Ispettur Kurt Zahra kkonferma fil-Qorti li Muscat kien interrogat taħt twissija. Fi kliem sempliċi, Muscat ġie mwissi li dak li se jgħid jista’ jintuża kontrih.

“Jien weġibt għall-mistoqsijiet kollha li saru mill-Pulizija, fejn kien hemm fatti ċari li jmeru l-kontenut tal-istatement li ngħata,” insista Muscat.

L-eks Prim Ministru tenna li huwa staqsa lil Pulizija jekk hux qed jiġi investigat dwar dan il-każ u kkonfermaw li mhuwiex.

“Dan kollu jista' jiġi vverifikat indipendentement minħabba li l-konversazzjoni ġiet irrekordjata mill-Pulizija,” insista Muscat.

Temm jisħaq li minkejja l-attakki li rċieva, jibqa’ l-fatt li hu għamel dmiru u wassal għal żblokk sinifikanti f’dan il-każ.

Yorgen Fenech qed jallega li l-eks Prim Ministru kien jaf dwar ir-recordings tal-intermedjarju Melvin Theuma u li kien staqsih dwarhom darbtejn, darba waqt ir-riċeviment tal-Girgenti u darb'oħra waqt laqgħa f'Kastilja.

Ilbieraħ ġie kkonfermat fil-Qorti wkoll li teżisti chat bejn l-istess Fenech, Muscat u Keith Schembri, bl-allegat mandant tal-qtil tal-ġurnalista jisħaq li t-tlieta li huma kienu qishom “aħwa.”

More in Politika