Il-PN jipproponi estensjoni tal-vouchers biex ikunu jinkludu wkoll xiri ta' ikel

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex is-suppliment tal-paga, jiġifieri l-għotja tat-€800, tibqa’ fis-seħħ u tkun estiża sa’ Marzu tal-2021

Il-Partit Nazzjonalista qed jipproponi li l-iskema tal-vouchers tal-Gvern tkun estiża sal-aħħar tas-sena u biex dawn jerġgħu jinħarġu u jkunu jinkludu wkoll ix-xiri tal-ikel.

Qal dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu, Robert Arrigo hekk kif elenka l-proposti tal-Partit Nazzjonalista biex ikun imwieżen is-settur tat-turiżmu f’dan iż-żmien diffiċli.

Fost oħrajn, il-Partit Nazzjonalista qed jappella lill-Gvern biex is-suppliment tal-paga, jiġifieri l-għotja tat-€800, tibqa’ fis-seħħ u tkun estiża sa’ Marzu tal-2021.

Proposti oħra huma dawn:

  •  Għal xahrejn il-kontijiet tad-dawl u l-ilma jkunu bla ħlas, kemm għar-residenzi kif ukoll għan-negozji. Għat-tnax-il xahar ta' wara il-kontijiet ikollhom roħs ta’ 50%
  • Kull ħaddiem mal-Gvern fuq bażi ta’ persons of trust jew positions of trust  jaċċettaw tnaqqis fil-paga, mingħajr perks u jagħtu s-somma li tkun twarbet lill-food banks.
  • Jiġu żgurati il-kuntratti preżenti u futuri mal-linji tal-ajru u mat-tour operators barranin li jinsabu fiż-żona l-ħadra.
  • Estensjoni tal-moratorji tal-banek sal-31 ta’ Marzu 2021.
  • Ir-rati tal-interessi li huma fuq bażi ta’ 0%, lokalment jinżammu fuq bażi ta’ 1.75%.
  •  It-taxxa posposta mħabbra mill-Gvern tiġi mnaqqsa b’50%.
  • Ir-rata tal-VAT tiġi mraħħsa sa massimu ta’ 5% fuq il-firxa kollha.
  • Ir-rata tal-VAT fl-industrija tal-akkomodazzjoni fl-istaġun tax-xitwa tinżel għal 0%.
  • Għandu jiġi introdott passaport tas-saħħa.
  • Kull min jiġi Malta kemm mill-ajruport kif ukoll mill-portijiet jiġi screened.
  • Il-maskri għandhom jkunu obbligatorji u jintlibsu minn kulħadd u kullimkien.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar l-iskema preżenti tas-sussidju tal-kera u li fi kliemu kienet ineffettiva.

Bħala parti mill-Pjan għar-Riġenerazzjoni Ekonomika, il-Gvern kien ħabbar għotja ta’ darba ta’ €2,500 biex jgħin lil dawk in-negozji żgħar u medji li ntlaqtu ħażin mill-pandemija, biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-ħlas tal-kera.

Madanakollu, il-Partit Nazzjonalista kkwota studju li sar mill-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji li wera kif 63% ta’ dawn in-negozji jħallsu bejn €2,000 u €5,000 kera fix-xahar.

Propju għalhekk, li fi kliem Arrigo, din l-iskema kienet waħda li ftit li xejn ħalliet effett.

More in Politika