'Ma ndirizzajniex il-problemi u ma investejniex biżżejjed fin-nies tas-south' - Grech

Mal-illum.com.mt Bernard Grech jgħid li l-poplu jrid soluzzjonijiet għall-problemi ta' kuljum u li min hu bil-ġuħ saqaf fuq rasu jrid mhux kliem fuq il-governanza

Bernard Grech fl-uffiċini tal-Mediatoday
Bernard Grech fl-uffiċini tal-Mediatoday

Il-kandidat prospettiv tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech  - minn Raħal Ġdid iżda li għex ħafna mit-tfulija u miż-żgħożija tiegħu f'Birżebbuġa -  ammetta li huwa konxju tal-fatt li l-Partit Nazzjonalista tilef eluf ta' voti u appoġġ fin-nofsinhar tal-pajjiż u ammetta ukoll li Gvernijiet Nazzjonalisti ma investewx biżżejjed fin-nofsinhar tal-pajjiż.

“Il-Partit Nazzjonalista ma investix biżżejjed u ma indirizzax biżżejjed il-bżonnijiet tar-residenti tan-nofsinhar,” insista Grech waqt li rrakkonta kif jiftakar il-Freeport jinbena u jikber, sakemm fi kliemu “daħal fl-istonku ta’ Birżebbuġa.”

Saħaq meta ltaqa' mal-ġurnalisti tal-Mediatoday li l-PN irid ikun aktar konxju tal-bżonnijiet tar-residenti tan-nofsinhar tal-pajjiż. “Armejnilhom il-valur tal-proprjetà. Storbju u light pollution il-ħin kollu. Narmu l-Freeport? Le. Imma ma investejnix biżżejjed fihom,” insista.

Mill-banda l-oħra, semma wkoll proġetti li l-Partit Nazzjonalista għamel fin-nofsinhar tal-pajjiż, foshtom il-Park tal-Familja f’Wied il-Għajn u li fi kliemu, Gvern Laburista abbanduna għax ma għamilhomx hu.

 Bernard Grech se jkun kap interim?

Tul id-diskussjoni informali li kellu mal-ġurnalisti tal-MediaToday, Bernard Grech ċaħad suġġerimenti li hu se jkun sempliċiment Kap interim, li sempliċiment se jaqla’ lil Delia, jieħu l-PN għall-elezzjoni ġenerali, jitlifha u kif jistipola l-istatut, minnufih ikollu jmur mill-ġdid għall-Elezzjon tal-Kap.

“Jiena ma nemminx f’nofs miżuri ... jiena qiegħed hawn biex nibqa’,” saħaq Grech.

Insista wkoll li l-pressjoni biex jikkontesta din l-elezzjoni, ma kinitx ġejja minn ħdan il-Partit Nazzjonalista imma mingħand ħafna nies minn barra l-Partit. Saħaq li t-talbiet ilhom ġejjin mill-2017, jiġifieri mill-aħħar elezzjoni ġenerali.

“Jiena ddeċidejt li nikkontesta mingħajr ħadd ma għamilli kundizzjonijiet,” kompla jisħaq.

‘Ma tistax titkellem fuq il-governanza, qabel titkellem fuq il-ħobż’

Meta kien mistoqsi dwar il-viżjoni tiegħu għal Malta, Bernard Grech insista li “l-bniedem irid ikun dejjem fiċ-ċentru” u li ħadd ma għandu jintuża “bħala ċavetta biex ħaddieħor isir sinjur.”

Kien għalhekk li, fi kliemu, anke jekk il-PN se jibqa’ dejjem voċiferu kontra l-korruzzjoni, ma jistax jitkellem fuq il-governanza qabel ma titkellem fuq il-ħobż.

“It-tnejn li huma importanti, iżda ma tistax titkellem ma xi ħadd li huwa bil-ġuħ, jew li qed jibża’ li jispiċċa bla saqaf fuq rasu dwar il-governanza t-tajba. In-nies iridu soluzzjonijiet għal dawn il-problemi ta’ kuljum u ma tistax tgħidilhom li l-governanza t-tajba eventwalment se ssolvilhom il-problemi kollha,” insista.

L-abort u l-housing

Ma’ Grech, tkellimna wkoll dwar kwistjonijiet jaħarqu, inkluż l-abort. Minnufih insista li hu kontra l-abort iżda saħaq li ma jistax iwaqqaf id-diskussjoni.

“Ma rridx li noqtlu t-trabi. Min irid li noqtlu t-trabi? Iżda ma nistax ninjora d-diffikultajiet ta’ dawk li jsibu ruħhom f’dawn iċ-ċirkostanzi,” insista Grech.

Mistoqsi wkoll dwar is-suq tal-proprjetà, inkluż tal-kirjiet, Bernard Grech saħaq li ma jaqbilx li l-Istat għandu jindaħal, iżda spjega wkoll li l-irwol tal-Istat għandu jkun li jżid il-properjetajiet affordabbli, b’mod partikolari fil-qalba tal-irħula. Insista li dan, eventwalment, se jkun qed ibaxxi l-kirjiet.

“Taf kemm hawn propretajiet vojta?” kompla jistaqsi.

'L-awtorità morali biex ħaddieħor isegwik'

Il-kandidat prospettiv għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, insista li jekk ikun elett Kap tal-Partit Nazzjonalista kapaċi jġib lura fil-PN “l-awtorità morali” li hemm bżonn biex jgħaqqad lill-Partit.

Grech qal dan, meta ftit ġranet ilu  żar il-kamra tal-aħbarijiet ta’ MediaToday biex jiddiskuti magħha l-viżjoni tiegħu għall-Partit Nazzjonalista u għall-pajjiż.

Mistoqsi dwar il-problemi li Delia sab ma’ wiċċu, biex jgħaqqad warajh lill-Grupp Parlamentari u x’se jagħmel hu jekk ikun hemm Deputati li anke lilu ma jaċċettawhx, Grech insista li hu mhu se jiċċensura lil ħadd.

“Jekk ma għandekx l-awtorità morali ma tistax tgħid lil ħaddieħor biex isegwik ... Il-prijorità tiegħi se tkun li niġbed ir-rispett ta’ kulħadd, mhux permezz taċ-ċensura imma bil-persważjoni,” insista Grech.

Meta mistoqsi dwar jekk Delia hux se jkollu rwol fil-Partit Nazzjonalista, mhux sempliċiment Deputat, Grech ma ċaħadx li lest joffrilu kariga.

“Delia jista’ jkun parti mis-soluzzjoni,” insista.

Kien hawn li Bernard Grech qal li kemm fil-kampanja tiegħu, iżda anke jekk ikun elett Kap tal-Partit Nazzjonalista, mhux se jkun qed jaċċetta kliem dispreġġattiv, la fuq Adrian Delia u lanqas fuq ħadd.

“Ninsab fiduċjuż li se jirnexxilna ningħaqdu. Naħseb li diġà beda jirnexxili nagħmel dan,” kompla Grech.

Insista li meta kien mistieden biex jindirizza l-velja għal Daphne Caruana Galizia, mill-organizzazzjoni Repubblika, filwaqt li kien voċiferu kontra l-korruzzjoni, appella għall-għaqda u l-persważjoni u mhux għall-attakki.

Intant, fil-ġimgħat li ġejjin, hekk kif tikkarga l-kampanja għall-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, il-gazzetta ILLUM se tkun qed twasslilkom intervisti mal-kandidati, artikli ta’ analiżi u anke rapporti dwar dak li jkun għaddej u qed jintqal tul il-kampanja. 

More in Politika