It-tobba jwissu: 'L-agħar għadu ġej jekk jibqgħu jsiru l-attivitajiet tal-massa'

Il-MAM wissiet li se jkun hemm persuni vulnerabbli li jitilfu ħajjithom jekk il-każi jibqgħu jiżdiedu b'rata li sejħitilha 'allarmanti'

Ritratt | Arkivji
Ritratt | Arkivji

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija saħqet li l-agħar għadu ġej u dan jekk il-Gvern se jibqa’ jippermetti li jsiru attivitajiet tal-massa.

Fi sqarrija, il-MAM, li bħalissa għaddejja b’azzjonijiet industrijali fl-isptarijiet, saħqet li l-każi qed jiżdiedu “b’rata allarmanti” għal livelli bla preċedent u dan fi żmien meta l-parties u anke l-attivitajiet tal-massa għadhom qed isiru.

“Informazzjoni minn Marzu għal Ġunju, tbassar matematikament mewta għal kull 75 każ fi żmien erba' u sitt ġimgħat,” wissiet l-istqarrija. “L-evidenza xjentifika turi ċar u tond li l-quċċata tal-pressjoni fuq il-kura intensiva u anke tal-imwiet iseħħ bejn tlett u sitt ġimgħat wara li mewġa ġdida tkun laħqet il-quċċata tagħha.”

Kompliet tisħaq li r-rapporti ta’ diversi każi li rriżultaw minn festin tal-Griżma juru biċ-ċar li anke attivitajiet soċjali normali bejn il-familja huma ta’ riskju u dan meta għadhom qed ikunu permessi attivitajiet li jiġbru flimkien aktar minn 10 persuni.

Irreferiet għal rapport ta’ ġurnalist Taljan li wera mijiet ta’ persuni f’Paceville jiddevertu fi stabbilment mingħajr l-ebda maskra jew distanza soċjali. “Ħafna aktar parties, b’mijiet ta’ persuni, kienu organizzati matul dan tmiem il-ġimgħa bi ftit li xejn infurzar,” kompliet tisħaq l-Assoċjazzjoni tat-Tobba. “Anke l-Gozo Channel kien ippakkjat u bosta ma kinux lebsin maskra.”

Insistiet li dan mhux mod kif tikkontrolla pandemija u l-argument li Malta ma rreġistrat l-ebda mewta minn Ġunju li għadda ma jiġġustifikax il-permessi għall-attivitajiet tal-massa.

More in Politika