Aġġornata | Jinfetħu l-applikazzjonijiet għal min irid jikkontesta l-elezzjoni għall-Kap tal-PN

Ilbieraħ saret laqgħa bejn id-Deputati ribelli bil-għan li flok ħafna kandidati jkun hemm kandidat wieħed b'saħħtu li jisfida lil Delia

Illum se jkun qed jitlaqqa’ l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex tiġi deċiża l-organizzazzjoni tal-elezzjoni tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u dan wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-Ħadd li għadda. Intant, fuq Facebook, il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista fetħet l-applikazzjonijiet għat-tesserati kollha li jixtiequ jikkontestaw din l-elezzjoni. Dawk intervistati għandhom ċans sa nhar it-Tnejn 10 ta' Awwissu biex jissottomettu l-applikazzjoni

Hu mifhum li l-Eżekuttiv se jiddeċiedi ż-żmien, il-proċeduri u miżuri għal din l-elezzjoni li fiha se jieħdu sehem it-tesserati tal-Partit Nazzjonalista.

X’jinkludi l-proċess?

Issa li l-Kunsilliera vvutaw biex il-Partit Nazzjonalista jmur għal elezzjoni tal-Kap, immedjatament irid jiskatta proċess li jaf jieħu diversi ġimgħat.

Kollox jibda meta l-Kummissjoni Elettorali tagħmel sejħa ta’ interess għal dawk interessati li jikkontestaw din il-kariga importanti.

Wara li l-Kummissjoni Elettorali tilqa' l-applikazzjonijiet, il-Kummissjoni Kandidati tkun trid tibda proċess ta' verifika dwar kull persuna li titfa’ isimha biex issir Kap tal-Partit Nazzjonalista. Skont l-istatut tal-PN, dan il-proċess ma jistax idum aktar minn sitt ġimgħat mid-data li fiha jieqfu jintlaqgħu n-nominazzjonijiet.

Fi żmien tlett ijiem mir-rapport tal-verifika, il-Kummissjoni tippubblika avviż li jsejjaħ għal nominazzjonijiet ta’ kandidati minn fost dawk li jkunu ġew pożittivament verifikati. Iż-żmien għan-nominazzjonijiet għandu jagħlaq fi żmien ħamest ijiem. 

Meta jintemm dan il-proċess, f’każ li jkun hemm aktar minn żewġ kandidati, il-Kummissjoni elettorali għandha torganizza votazzjoni sigrieta fost il-membri tal-Kunsill Ġenerali fl-ewwel tmiem il-ġimgħa wara ħmistax-il ġurnata mill-għeluq tan-nominazzjonijiet.

Fi tmiem il-ġimgħa ta’  ħmistax-il jum wara l-votazzjoni tal-Kunsill Ġenerali, il-Kummissjoni elettoralitorganizza votazzjoni fost it-tesserati tal-Partit biex dawn jagħżlu l-Kap tal- Partit minn fost iż-żewġ kandidati li jkunu ġabu l-akbar ammont ta’ voti mill-Kunsilliera.

X’qed jingħad?

Adrian Delia qal ċar u tond li se jkun qed jikkontesta mill-ġdid u insista li l-għajta tiegħu se tkun: “Mod ġdid b’nies ġodda.”

Anke jekk huma diversi l-kandidati papabbli, ilbieraħ saret laqgħa bejn id-Deputati ribelli, fost oħrajn bil-għan ikun li flok ħafna kandidati, ikun hemm kandidat wieħed b’saħħtu li jkun jista’ jisfida sew lil Delia.

Jekk ikun hemm biss żewġ kandidati għal din il-kariga, jiġifieri Delia u ħaddieħor, ma jkunx hemm bżonn vot fil-Kunsill Ġenerali, iżda d-deċiżjoni tkun mill-ewwel f’idejn it-tesserati.

Id-Deputati ribelli jidher li huma mħassba li jekk ikun hemm diversi kandidati li jikkontestaw, minn dan jista’ jgawdi biss Delia għax il-voti kontrih jinqassmu, filwaqt li hu joħroġ aktar b’saħħtu.

Kif żvelat l-ILLUM, L-aktar papabbli jidher li huma l-Ewroparlamentari Roberta Metsola u l-Avukat Bernard Grech, anke jekk Therese Comodini Cachia, Mark Anthony Sammut u Alex Perici Calascione wkoll qed jikkonsidraw li jikkontestaw.

More in Politika