Proġett li se jsebbaħ u jagħti dehra ġdida lill-Mall tal-Furjana

Dan l-intervent se jsir b’investiment totali ta’ €4.2 miljun

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg żar il-Ġnien tal-Mall fil-Furjana, fejn għaddej proġett ta’ riġenerazzjoni mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC). 

Dan l-intervent se jsir b’investiment totali ta’ €4.2 miljun.

Fost oħrajn, il-proġett se jkun qed itejjeb l-estetika ta’ dan il-ġnien u l-inħawi biex jikkumplimenta aħjar id-dehra tas-City GatePjazza Tritoni, il-Biskuttin u Ġnien l-Argotti. 

Fil-proġett, se jsir 7,500 metru kwadru ta’ pavimentar ġdid u se jintuża pavimentar apposta għal nies b’nuqqas ta’ dawl. 

Ix-xogħlijiet jinkludu tibdil tal-ispazju ta’ quddiem id-Dipartiment tal-Eżamijiet, handrails ġodda madwar il-monumenti, restawr tal-boundary wall, arkati u monumenti u tar-railing tal-boundary wall u bini tal-funtana mill-ġdid. 

Apparti dan, se ssir sistema ġdida ta’ dawl ġewwa l-ġnien u fuq barra tiegħu u xogħlijiet oħra ta’ servizzi.

“Impenjati li nkomplu ninvestu f’dawn l-akwati, li mhux biss huma nħawi turistiċi, iżda li huma ferm importanti għar-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet. Fuq kollox, il-Furjana hija punt ta’ referenza għall-Maltin kollha li jivvjaġġaw lejn it-terminus tat-trasport pubbliku fil-Belt Valletta,” saħaq il-Ministru. “Se nkomplu nsebbħu l-ispazji miftuħa tagħna, se nkomplu ntejbu l-aċċessibilità għal nies b’diżabilità u se nkomplu nagħtu ġieħ lil wirt pajjiżna u l-monumenti tagħna.” 

Iċ-Ċermen tal-GHRC Anthony Agius Decelis għamel appell lill-pubbliku ġenerali biex jibżgħu għal dawn il-proġetti. “Issa sta għall-poplu Malti li jara li dawn il-postijiet ma jsirilhomx vandaliżmu u jinżammu fuq il-livell li dan il-gvern qiegħed jerġa’ jagħtihom lura lill-poplu,” insista. 

Preżenti għal din l-attività kien hemm is-Sindku tal-Furjana, Davina Sammut Hili.

More in Politika