Aġġornata | L-Isqfijiet iwaqqfu l-pellegrinaġġi bil-vari

Dan ifisser li għal din is-sena, il-festa se tkun ridotta biss għall-quddiesa waħda fil-ġurnata li fiha normalment tiġi ċċelebrata l-festa jew inkella fil-jum liturġiku

Fi stqarrija maħruġa mill-Konferenza Episkopali Maltija, l-Isqfijiet ta' Malta u Għawdex ħabbru li qed iwaqqfu uffiċjalment il-pellegrinaġġi għal matul is-sena 2020.

Iż-żewġ djoċesijiet kienu taw il-permess li jsiru pellegrinaġġi bil-vari titulari u sekondarji hekk kif is-sitwazzjoni tal-pandemija f'Malta kienet taħt kontroll, iżda wara l-aħħar żieda fil-każi, ittieħdet id-deċiżjoni li dawn jerġgħu jitwaqqfu.

Fl-aħħar jiem Malta rreġistrat żieda fil-każi wara għadd ta' każijiet li żviluppaw mill-party Holiday Takeover u anke mill-Festa ta’ Santa Venera.

Nhar il-Ħamis li għadda, hekk kif il-Gvern daħħal mill-ġdid xi restrizzjonijiet, kien deċiż li l-pellegrinaġġi jkunu limitati għal 100 persuna biss iżda dan qajjem tħassib fost diversi dilettanti tal-festi, anke għax fi kliemhom mhux possibbli tikkontrolla l-folol.

Anke l-Għaqda Każini tal-Banda kienet tat parir lill-membri tagħha biex ma jiħdux sehem fil-pellegrinaġġi minħabba dan il-limitu u insistiet li l-pellegrinaġġi għandhom jitwaqqfu.

Fil-fatt, kien hemm parroċċi, fosthom dik ta' San Duminku tal-Belt Valletta, li mill-ewwel ħassru l-pellegrinaġġ.

Dan ifisser li għal din is-sena, il-festa se tkun ridotta biss għall-quddiesa waħda fil-ġurnata li fiha normalment tiġi ċċelebrata l-festa jew inkella fil-jum liturġiku. 

More in Politika