'Is-saħħa li kellu Keith Schembri kienet kbira wisq' - Evarist Bartolo

Bartolo illum xehed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

Il-Ministru Evarist Bartolo saħaq li s-saħħa li kellu Keith Schembri bħala Chief of Staff f’Kastilja kienet kbira wisq.

Bartolo, li kien voċiferu kontra l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fi żmien meta l-pajjiż kien għaddej minn kriżi politika li waslet għar-riżenja tal-Prim Ministru Joseph Muscat, illum xehed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Mistoqsi dwar il-kummenti tiegħu fuq Facebook dwar il-korruzzjoni, Bartolo ma darx mal-lewża u saħaq li s-saħħa li kellu Keith Schembri ma kinitx xi ħaġa sabiħa.

“Il-konċentrazzjoni tal-poter kienet kbira wisq u mhux tajba għall-pajjiż,” insista Bartolo.

L-Avukat Therese Comodini Cachia staqsiet lill-Ministru dwar wieħed mill-kummenti tiegħu meta waqt li qed jitkellem fuq il-ħasil tal-flus u l-evazjoni tat-taxxa kiteb li hu, min-naħa tiegħu għamel dak kollu possibbli.

“X’għamilt,” staqsietu Comodini Cachia. “Kellimt lill-Prim Ministru, lil Keith Schembri, lil Konrad Mizzi ... kellimt lill-Kabinett,” insista Bartolo.

Mistoqsi dwar il-fatt li minkejja l-kritika tiegħu kien ivvota diversi drabi favur Joseph Muscat waqt mozzjonijiet ta' fiduċja, Bartolo fakkar li hemm il-linja tal-partit li trid tkun irrispettata. Madanakollu fakkar li kien hu, flimkien ma' Godfrey Farrugia, fl-2016, kienu qalu li Konrad Mizzi kellu jirriżenja meta ismu feġġ fil-Panama Papers.

More in Politika