Ritratti | Żewġ żgħażagħ arrestati wara li heddew tliet persuni b'pistola u serquhom

It-tliet vittmi kienu qed jgħumu meta ressqu fuqhom iż-żewġ ħallelin

Żewġ żgħażagħ ta’ 18 u 23 sena ġew arrestati b’rabta ma’ serqa li allegatament wettqu l-bieraħ f’Pembroke. Huma kienu arrestati ftit wara li wettqu s-serqa, armati b’pistola.

Kien ilbieraħ għall-ħabta tat-3:20pm meta l-Pulizija ġew infurmati li fl-inħawi tat-Torri tal-Madliena, fil-limiti ta’ Pembroke, tlett irġiel sfaw misruqa minn żewġ persuni.

Il-vittmi huma żewġ Maltin ta’ 46 u 64 sena u Taljan ta’ 61 sena. Dawn kienu qed jgħumu meta żewġ żgħażagħ ressqu lejhom, b’wiċċhom mgħotti u talbuhom il-flus.

Wieħed minnhom ħareġ pistola u ppuntaha lejn ras wieħed mill-irġiel, filwaqt li l-ieħor qabad il-basket u ħarab minn fuq il-post.

Il-Pulizija bdew it-tfittxija u kien għall-ħabta tal-5:30pm meta nnutaw vettura b’żewġ żgħażagħ fiha li qajmu suspsett.

Iż-żewġ żgħażagħ meta raw il-Pulizija ħarbu minn fuq il-post bil-vettura iżda ġew iċċirkondati mill-Pulizija u eventwalment arrestati.

More in Politika