Aġġornata | Allokazzjoni ta' €2.25 biljun għal Malta mill-Unjoni Ewropea

Il-mexxejja Ewropej kienu ilhom mill-Ġimgħa jipprovaw jilħqu ftehim dwar fond ta' rkupru mill-pandemija u l-baġit għas-seba' snin li ġejjin

Hekk kif wara erbat ijiem il-mexxejja tal-Unjoni Ewropea rnexxielhom jaqblu dwar il-baġit tal-UE għas-seba' snin li ġejjin u dwar fond ta' rkupru mill-effett tal-pandemija, il-Prim Ministru Robert Abela kiteb fuq Facebook li għal Malta dan se jkun ifisser l-akbar allokazzjoni ta' fondi Ewropej.

Aktar tard, fi stqarrija, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru spjega kif Malta se tkun qed tgawdi minn sitt allokazzjonijiet speċjali għal pakkett totali ta' €2.25 biljun għas-seba' snin li ġejjin.

Dan jinkludi €1.923 biljun mill-baġit tal-UE (QFS), kif ukoll €327 miljun mill-għotjiet mill-Fond ta’ Rkupru li għadu kif ġie stabbilit, magħruf bħala Next Generation EU. Dan l-ammont ma jinkludix l-element tas-self.

"Saħansitra dan il-ftehim huwa iktar importanti fil-kuntest tal-ħruġ tat-tieni l-akbar kontributur nett għall-Baġit tal-UE. It-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea wara kważi 50 sena se jwassal għal telf ta’ €75 biljun għall-Baġit tal-Unjoni Ewropea matul is-seba’ snin li ġejjin. Barra minn hekk, minħabba t-tkabbir ekonomiku ta' Malta li fisser li ras għal ras, il-Prodott Domestiku Gross (PDG) tagħha, meta mqabbel mal-medja tal-UE tjieb b’mod notevoli matul dawn l-aħħar seba’ snin," spjega l-Gvern fi stqarrija.

Il-ftehim tal-lum fil-Kunsill Ewropew Speċjali jfisser li Malta kisbet total ta’ €842 miljun f’fondi taħt il-Politika ta’ Koeżjoni. Dan l-ammont, li ma jinkludix €92 miljun f’fondi addizzjonali oħra għar-REACT-UE (Politika ta’ Koeżjoni) mill-Istrument ta’ Rkupru, huwa minn tal-inqas €66 miljun aktar minn dak li kisbet Malta fi Frar tal-2013 għall-Politika ta’ Koeżjoni 2014-2020.

Għall-agrikoltura, Malta kisbet €191 miljun li jfisser €53 miljun – (jew 38%) aktar mill-2014-2020. B’kollox, skont il-politika tradizzjonali tal-UE dwar il-Politika ta’ Koeżjoni u l-Agrikoltura, li jammontaw għal madwar 60% tal-Baġit totali tal-Unjoni Ewropea, Malta kisbet €1.125 biljun, meta mqabbel ma’ €793 miljun minn dak li kienet tikseb bil-proposta tal-Kummissjoni tal-2018.

Il-Gvern iddeċieda li ammont minimu ta’ 10% tal-allokazzjoni skont il-Politika ta’ Koeżjoni u l-Agrikoltura jmorru għal Għawdex. 

Strumenti u programmi ewlenin oħra għal Malta jinkludu Erasmus+; il-fondi ta’ migrazzjoni, fruntieri u sigurtà; u programmi ambjentali.

Barra minn hekk, Malta se tibbenefika minn €327 miljun f'għotjiet mill-Fond ta’ Rkupru biex jassisti fl-isforz ta' rkupru wara l-pandemija. 

Il-mexxejja Ewropej kienu ilhom mill-Ġimgħa jipprovaw jilħqu ftehim u matul il-lejl li għadda waslu għal ftehim biex ikun hemm fond ta' €750 biljun biex ikunu jistgħu jagħtu spinta lill-ekonomiji tagħhom wara d-daqqa li ġabet magħha l-pandemija.

Il-fond ta' rkupru se jkun kompost minn €390 biljun f'għotjiet mill-UE u €360 biljun f'self. Dan apparti l-baġit għas-seba' snin li ġejjin biex hekk il-pakkett kollu se jkun dak ta' €1.82 triljun.

Il-President tal-Kunsill Ewropew ħabbar il-ftehim fuq Twitter b'kelma waħda: "Deal." Aktar tard waqt konferenza huwa saħaq li l-Ewropa hija b'saħħitha u magħquda.

"Urejna li l-maġija tal-proġett Ewropew taħdem għax meta naħsbu li għandna quddiemna l-impossibbli, bir-rispett u l-koperazzjoni negħlbu kull ostaklu," insista Michel.

Anke l-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, li jmexxi l-aktar pajjiż li ntlaqat ħażin fl-Ewropa mill-pandemija, deher kuntent b'dan il-ftehim u ddeskrivih bħala "mument storiku."

More in Politika