L-Air Malta tħabbar il-ftuħ mill-ġdid ta' erba' destinazzjonijiet oħra

Din l-aħbar issegwi l-ftuħ mill-ġdid, il-ġimgħa li għaddiet, ta’ disa’ destinazzjonijiet

L-Air Malta ħabbret erba’ destinazzjonijiet addizzjonali ma’ dawk li kienet ħabbret hekk kif reġgħet bdiet ittir wara l-pandemija tal-COVID-19. It-titjiriet il-ġodda huma lejn Tuneż li mistennija jibdew mill-31 ta’ Lulju u lejn Kiev, Moska Sheretyevo u Tel Aviv liema titjiriet se jibdew mill-ewwel ġimgħa ta’ Ottubru.

Din l-aħbar issegwi l-ftuħ mill-ġdid, il-ġimgħa li għaddiet, ta’ disa’ destinazzjonijiet ġodda tal-Air Malta (Amsterdam, Brussell, Milan Linate, Londra (Heathrow), Lisbona, Madrid, Palermo, Paris Charles de Gaulle u Orly). Ir-rotta tal-Linja tal-Ajru lejn Manchester se terġa’ tibda fl- 1 ta’ Awwissu. Il-Linja tal-Ajru żiedet ukoll il-frekwenzi għal Londra u Katanja u minn Awwissu se tkun qed topera 10 frekwenzi fil-ġimgħa għal Londra (Heathrow) u disa’ titjiriet fil-ġimgħa lejn Catania. 

Fi stqarrija, il-linja nazzjonali tal-ajru saħqet li biex l-industrija tat-turiżmu lokali tingħata spinta 'l quddiem, inkluż il-lukandi, ir-ristoranti u operaturi oħrajn tat-turiżmu, sa Ottubru li ġej, qed tittama li topera servizzi skedati għal Amsterdam, Berlin, Brussell, Katanja, Dusseldorf, Frankfurt, Ġinevra, Kiev, Lisbona, London Heathrow, Lyon, Madrid, Manchester, Marsilja, Milan, Moska, Munich, Palermo, Paris Charles de Gaulle, Paris Orly, Praga, Ruma Tel Aviv, Vjenna, Zurich u Tuneż. 

Il-prezzijiet tat-titjiriet (inklużi t-taxxi u l-imposti) jibdew minn €39 biss kull naħa u huma disponibbli onlajn fuq www.airmalta.com u għand l-aġenti tal-ivvjaġġar lokali u barranin kollha. 

More in Politika