Comodini Cachia konvinta li sal-elezzjoni ġenerali li jmiss il-PN se jkollu Kap ġdid

Therese Comodini Cachia saħqet li ħadd mit-tesserati u mill-kunsilliera ma vvota għal Kap biex ifalli l-missjoni tiegħu

Therese Comodini Cachia, id-Deputata magħżula minn dawk li sfiduċjaw lil Delia biex tmexxi l-Oppożizzjoni, tinsab konvinta li qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss, il-Partit Nazzjonalista se jkollu Kap ġdid. 

Comodini Cachia qalet dan meta ġiet intervistata mill-gazzetta oħt MaltaToday u mistoqsija jekk hux lesta tikkontesta jekk ikun hemm elezzjoni għall-Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista.

“Għalissa, l-irwol tiegħi huwa li noffri direzzjoni. Meta jkun hemm vakanza, u probbabilment se jkun hemm, se nevalwa l-irwol tiegħi. Madanakollu, l-irwol tiegħi bħalissa huwa li ngħaqqad in-nies fil-partit u nattira n-nies lejn il-partit.”

Mistoqsija għaliex tinsab daqshekk ċerta li se jkun hemm vakanza fil-kariga ta’ Kap tal-Partit, Therese Comodini Cachia saħqet li tinsab konvinta għax il-proċeduri tal-Partit jirrikjedu li tinsab xi forma ta’ soluzzjoni.

Għal darba, darbtejn, Comodini Cachia saħqet li dan huwa żmien ta’ fejqan u anke ta’ riflessjoni fil-Partit Nazzjonalista. “Dan huwa żmien li nagħtu direzzjoni ġdida lill-PN,” insistiet id-Deputata waqt li saħqet li l-organi kollha tal-partit iridu jaħdmu għal dan il-għan.

Mistoqsija jekk l-azzjoni tagħha u ta’ sħabha tmurx kontra r-rieda tat-tesserati, Therese Comodini Cachia saħqet li ħadd mit-tesserati u mill-kunsilliera ma vvota għal Kap biex ifalli l-missjoni tiegħu.

“Il-membri u anke l-kunsilleira, bħalna, qed jaraw li l-Partit taħt it-tmexxija Adrian Delia ma rnexxilux jissaħħaħ. It-tort tiegħu? Ovvjament, mhux tiegħu biss. Fl-aħħar tliet snin rajt lil Adrian Delia jaħdem ħafna u ċertament li għamel kull ma seta’. Ingħata pariri ħżiena? Jista’ jkun, għax meta trid tmexxi partit ma tistax toħloq diviżjoni...” kompliet tisħaq.

Dwar dawk li qed jagħjru lilha u lil sħabha bħala tradituri, Comodini Cachia saħqet li tifimhom, iżda fi kliemha, meta jpoġġu bilqiegħda magħhom, jispjegaw lil dawn in-nies is-sitwazzjoni li jinsab f’fiha l-Partit, anke huma jirrikonoxxu li l-Partit jeħtieġ jissaħħaħ.

“Nistgħu nimxu biss ‘il quddiem jekk insibu a common ground ... dan jieħu ż-żmien,” saħqet Comodini Cachia.

Agħfas hawn biex tara l-intervista sħiħa

More in Politika