L-Oppożizzjoni tal-Montenegro titlob l-għajnuna tal-Parlament Malti biex tinvestiga l-iskandlu tal-wind farm

Żvela dan id-Deputat Jason Azzopardi wara li rċieva kommunikazzjoni minn Deputat fil-Montenegro

Id-Deputat Jason Azzopardi żvela fuq Facebook kif l-Oppożizzjoni fil-Parlament tal-Montenegro qed titlob il-koperazzjoni tal-Parlament Malti biex ikun investigat dak li qed jissejjaħ l-iskandlu tal-wind farm tal-Montenegro.

Fuq Facebook, Azzopardi ppubblika l-kommunikazzjoni li kien hemm bejnu u bejn membru tal-Oppożizzjoni mill-Montenegro wara li ġie deċiż, fil-Montenegro, li jitwaqqaf kumitat parlamentari speċjali li jinvestiga dan l-investiment.

Azzopardi insista li għall-kuntrarju ta’ dak li qed jagħmel il-Parlament Malti, dak fil-Montenegro qed jagħti importanza kbira lil dan “l-iskandlu” tant li qed jorbtu mhux biss mal-korruzzjoni imma mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Id-Deputat saħaq li se jkun qed iwieġeb lill-Oppożizzjoni tal-Montenegro u se jkun qed joffri l-għajnuna tiegħu.

Dan il-każ idur mal-kumpanija 17 Black, il-kumpanija ta’ Yorgen Fenech li minnha kellhom jgħaddu flus fil- kumpaniji Tillgate u Hearnville, kumpaniji fil-Panama miftuħin minn Keith Schembri u Konrad Mizzi rispettivament.

Allegatament, Fenech għamel profitt ta’  €4.6 miljun  mix-xiri tal-wind farm fil-Montenegro mill-Enemalta.

Kienet il-kumpanija Cifidex li biegħet l-ishma tal-wind farm bi prezz ta' €10.3 miljuni lill-Enemalta u li allegatament xtrat ġimagħtejn qabel biss minn Fersa Renovables - Konsorzju Spanjol  - għal €2.9 miljun, differenza ta' €7.4 miljuni.  

Skont investigazzjoni li saret minn Reuters u The Times of Malta, €3 miljuni kienu trasferiti minn 17 Black għal għand Cidifex. Dan ifisser li l-flus ta' Cidifex  biex tixtri l-Wind Farm kienu ġejjin minn Yorgen Fenech.

Ftit wara li l-Enemalta xtrat il-wind farm mingħand Cifidex, din tal-aħħar għaddiet €7.4 miljuni lill-kumpanija 17 Black, jiġifieri t-€3 miljuni li kienu għaddew qabel u profitt ta’ madwar €4.6 miljun.

More in Politika