Analiżi | Jitlaq, iċedu, jinqasam jew jirranġaw - Fejn sejjer il-PN minn hawn?

F'dawn il-jiem kompliet tiżviluppa l-kriżi politika li qed tibla' lill-Partit Nazzjonalista u thedded l-eżistenza tiegħu kif nafuha.  Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn ix-xenarji politiċi li jistgħu jiżviluppaw fil-ġranet u ġimgħat li ġejjin ...

Adrian Delia
Adrian Delia

Il-Partit Nazzjonalista kompla dieħel f'dik li tista' tissejjaħ kriżi politika bla preċedent fl-aħħar snin u li tista' titqabbel biss mal-qasma fil-Partit Laburista  - b'Dom Mintoff jieħu r-riegni tal-Malta Labour Party u Pawlu Boffa joħloq il-Malta Workers' Party - u allura l-qasma bejn il-Mintoffjani u l-Boffisti. 

Imma minn dan l-avveniment għaddew ħafna snin, 71 sena b'kollox u allura għal ħafna ġenerazzjonijiet, anke ta' anzjani din ta' bħalissa hija l-eqreb li qatt raw fil-politika Maltija ta' partit li jinqasam u ribelljoni kontra l-istess kap tal-partit. 

Iżda dik hija l-istorja.  X'jista' jkun il-futur?

Il-gazzetta ILLUM se tanalizza xinhuma x-xenarji politiċi li jistgħu jiżviluppaw fil-PN minn ġimgħa għall-oħra, jew ġurnata għall-oħra, hekk kif l-agħar kriżi li ffaċċja f'ħafna snin tkompli tikkumplika ruħha. X'inhuma s-soluzzjonijiet?  U x'inhu l-impatt ta' kull waħda minnhom?

Kollox jibqa' kif inhu:  Imma status quo huwa possibbli?

Ir-risposta sempliċi hija li ma jistax ikun li l-affarijiet jibqgħu kif inhuma u l-istatus quo f'dan il-punt huwa xenarju improbabbli ħafna.  Għaliex?

Kieku kellna nużaw lingwaġġ metaforiku ngħidu li s-susa daħlet wisq 'il ġewwa.  Wara snin ta' attentati li fallew - u li ħafna minnhom baqgħu jeżistu fid-dinja tal-konġetturi u l-konspiraziji l-moviment fil-Partit Nazzjonalista li huwa kontra Delia ħa pass deċiżiv permezz ta' sfiduċja fih mill-Grupp Parlamentari.  Minkejja dubji u mistoqsijiet ta' fejn se tasal u jekk din ir-ribelljoni hix se tmut mewta naturali, bħal dawk kollha ta' qabilha, mal-ħin u mal-ġranet kien hemm indikazzjoni ċara ta' eskalazzjoni.  Din l-eskalazzjoni laħqet punt definittiv (a point of no return) meta din il-ġimgħa Delia reġa' ġie sfiduċjat għat-tieni darba, din id-darba mill-Eżekuttiv tal-Partit u allura organu li fih hemm Deputati, MEPs, pero' wkoll uffiċjali tal-partit u rappreżentanti tal-fergħat (MŻPN, Team Start, APAN ...). 47 ivvutaw kontra Delia u 35 favurih. 

Din mhux biss kienet it-tieni sfiduċja iżda sfiduċja li fiha ta sehem importanti l-eks Prim Ministru u eks Kap tal-PN Lawrence Gonzi, figura politika rispettata fil-PN b'mod ġenerali.  Id-dħul ta' Gonzi fix-xena kienet indikazzjoni ta' kemm eskalat din ir-ribelljoni u kemm qed ixxeqleb aktar lejn in-naħa ta' kontra Delia.  Wara li Gonzi indika proposta għal elezzjoni ta' Kap tal-PN u wara dan l-Eżekuttiv, kien ċar illi kien hemm orkestrazzjoni ta' pressjoni:  Bdiet b'ittra ħarxa minn Louis Galea li saħansitra wissa lil Delia biex ma jabbużax mil-lealtà tat-tesserati, jirriżenja u l-PN jagħżel Kap ġdid u kompliet b'Richard Muscat li jmexxi l-Kummissjoni li tagħżel il-kandidati tal-PN.  Il-midja tradizzjonalment aktar qrib il-Partit Nazzjonalista wkoll ħarġu - editorjalment - kontra Delia. 

Dan x'ifisser?  Ifisser li issa l-affari eskalat b'mod illi m'hemmx fiduċja reċiproka imma hemm sens ta' sfiduċja u suspetti, jekk mhux mibgħeda wkoll bejn iż-żewġ gruppi.  Kien Delia stess, waqt programm televiżiv nhar it-Tlieta, li sostna illi m'għadx għandu fiduċja f'nies li semmihom b'isimhom (Claudette Buttigieg, Jason Azzopardi ...) u huwa ċarissimu li ħafna minn dawk li daru kontrih ukoll ftit għad għandhom ħeġġa li jaħdmu miegħu. 

Dan ifisser li anke jekk Delia jgħaddi minn kull test minn issa 'l quddiem (Kunsill Ġenerali u/jew elezzjoni fost it-tesserati) xorta se jkollu problema serja biex jiffunzjona, kemm bħala Kap tal-Oppożizzjoni u anke bħala Kap tal-partit. 

Bl-affarijiet jibqgħu kif inhuma għaż-żmien li ġej il-kriżi fil-PN issir aktar fonda u tikkumplika aktar ruħha b'partit li jmur għal elezzjoni ġenerali mifni bi ġlied intern u firda, li iżda mhix firda "uffiċjali".  Elettoralment dan huwa xenarju ikrah għall-PN - li jidħol f'kampanja elettorali b'Kap sfiduċjat u allura jkollu l-ġlied intern amplifikat ħafna iktar waqt il-kampanja. 

Ir-ribelli jitilqu mill-partit: Imma hemm tant ribelli!

Meta ngħidu u nirreferu għar-ribelli rridu nidentifikaw min huma dawn in-nies li qed nirreferu għalihom. 

L-ewwel u qabel kollox għandek 17-il Deputat li vvota kontra Adrian Delia u sfiduċjawh quddiem il-President. 

B'kollox 16-il Deputat sfiduċjawh quddiem il-President tar-Repubblika:  Jason Azzopardi, Karol Aquilina, Chris Said, Therese Comidini Cachia, Beppe Fenech Adami, Mario De Marco, David Thake, Hermann Schiavone, Kristy Debono, Ivan Bartolo (9 Distrett), Ivan Bartolo (11 Distrett) , Ryan Callus, Claudio Grech, Claudette Buttigieg u Karl Gouder. 

Stephen Spiteri kien ivvota kontra Delia fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari l-ġimgħa l-oħra, imma astjena milli jisfiduċjah quddiem il-President George Vella.

Ma' dawn jingħaqdu l-uniċi żewġ MEPs tal-PN:  David Casa u Roberta Metsola kif ukoll it-tmexxija tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista.

Iżda mal-ġranet fix-xena daħal b'forza kbira Louis Galea li talbu jwarrab wara li kien Delia stess li reġa' daħħlu fil-partit bħala riformatur, Richard Muscat, Michael Axiak li kien ikkunsdrat bħala persuna leali lejn Delia u dawk kollha li vvutaw kontra Delia fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. 

Magħhom jingħaqad forsi bl-akbar toqol l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi.

Jiġifieri meta ngħidu li r-ribelli għandhom jirreżenjaw m'aħniex qed nitkellmu dwar tnejn minn nies insinjifikanti  - imma l-biċċa l-kbira tal-Grupp Parlamentari, ħafna mill-membri tal-Eżekuttiv u eks Prim MInistru.  Dan apparti dawk kollha li qed jopponuh u għadhom m'għamlux il-pożizzjoni tagħhom waħda pubblika jew inkella dawk li esprimew ruħhom u huma eks Kandidati u persuni fil-midja. 

Kieku kellu jkeċċi lir-ribelli kollha u dawk kollha li qed jikkritikawh u jitolbuh iwarrab ikun - konxjament  - qed joħloq il-qasma fil-Partit Nazzjonalista u jagħti fuq platt tal-fidda l-Oppożizzjoni lir-ribelli, ikisser kull ċans diġa' improbabbli, li jnaqqas id-distakk u jispiċċa miġġieled ma' predeċessur. 

Imma apparti minn hekk ikun qed joħloq problema fil-kandidatura tal-partit fuq livelli distrettwali.  Ħafna minn dawk li huma kontra Delia - tħobbhom jew le - huma nies b'esperjenza, kuntatti, ħażen politiku u b'segwaċi.  Filwaqt li l-uċuħ żgħażagħ huma importanti ħafna - jekk l-esperjenza tiġi mibdula b'inesperjenza biss, dan se jaffetwa l-vot lill-PN. Mhux kulħadd irid jivvota lil xi ħadd bla kuntatti u esperjenza - kemm minħabba raġunijiet politiċi u anke minħabba raġunijiet purament personali (inti jekk trid li xi ħadd jgħinek jew jaqdik f'xi ħaġa personali se tmur għand min għandu l-esperjenza, il-kuntatti u li huwa influwenti.) 

Din it-triq ma tantx tidher li tista' tittieħed, probabbilment għaliex il-kollateral ikun qawwi, tant li talba minn membru tal-Eżekuttiv biex tittieħed azzjoni kontra dawk id-Deputati li vvutaw kontra Delia baqgħet fuq l-ixkaffa. 

Jitlaq Delia:  Ħsara żgur, imma skont kif jitlaq!

Xenarju ieħor huwa Adrian Delia jitlaq hu.  Dan huwa xenarju li jinqasam fi tnejn:  Jew Delia jitlaq għax ma jkunx jiflaħ għall-pressjoni li qed issir fuqu jew jitlaq wara xi forma ta' ftehim u b'xi forma ta' dinjità. 

Nibdew mnn l-aħħar.  Jekk Delia jitlaq wara diskussjonijiet dwar strateġija li tarah joħroġ u jitlaq mill-kariga b'mod dinjituż, il-ħsara elettorali għalkemm hemmhekk tista' tkun ħafna inqas dannuża.  Hemm ħafna modi kif jista' jilgħab xenarju bħal dan:  Ikun hemm qbil dwar Kap suċċessur li jmur għall-elezzjoni li jmiss jew Kap suċċessur li jieħu l-kariga wara l-elezjoni ġenerali.  Jista' jkun ukoll illi Delia jaċċetta li jibqa' f'kariga fil-partit li hija inqas importanti imma li Delia jaċċetta biex jagħmel spazju għal Kap ġdid.  Tista' tkun il-kariga ta' Segretarju Ġenerali, Viċi Kap jew inkella Kap Eżekuttiv tal-partit.  Delia jista' wkoll jaqbel li joħroġ għall-elezzjoni tal-MEPs li jmiss, fejn ikun mistenni li jiġi elett - u jkun qed isegwi l-passi ta' Alfed Sant.

Il-PN xorta se jitlef aktar demm, imma b'wieħed minn dawn ix-xenarji dan it-telf ikun xi ftit jew wisq ikkontrollat. 

Iżda jekk Delia jċedi taħt il-pressjoni enormi, voti kontrieh u l-fatt li dawn il-voti għamlu l-pożizzjoni tiegħu mhux tenibbli - it-telf ta' demm ikun kbir.  

Ironikament għal Delia dan jaf ikun l-aqwa xenarju biex jippreserva fit-tajjeb ismu fl-istorja politika u allura għall-posetrità.  B'hekk Delia jkun meqjus bħala l-politiku li ma tħalliex jaħdem, "il-vittma" imma li rriżenja għaliex ħadd mhu akbar mill-partit u allura "l-irġulija".  B'elezzjoni mhux wisq 'il bogħod Delia jaf, kif qed juru s-sondaġġi, li l-Partit Nazzjonalista se jitlef bil-kbir - u jekk dawk li jappoġġjawh ma jivvutawx jitlef b'numri akbar.  Meta dan iseħħ Delia jkun jista' jirrijinforza l-argument li mhux hu kien fuq in-naħa l-ħażina tal-istorja.

Dawk li jappoġġjawh - li mhumiex ftit imma lanqas nafu li huma ħafna - jħossuhom traduti li l-Kap li eleġġew ġie "tradut" u "sfurzat jitlaq" u allura l-ħsara elettorali tkun kbir ħafna. 

Jinqasam il-partit:  L-agħar xenarju possibbli

Fl-agħar xenarju posibbli jinqasam il-PN u dawk id-Deputati li vvutaw kontra Adrian  Delia jitilqu għal rashom u jiffurmaw partit ġdid.  Dan ix-xenarju huwa remot hekk kif dawn id-Deputati diġa' pubblikament għamluha ċara li ma jridux jitilqu mill-PN.

Naturalment kieku jiġri hekk l-effett elettorali jkun wieħed illi permezz tiegħu l-PN, inizzjalment isir it-tielet l-akbar partit fil-Parlament u allura ma jibqax l-Oppożizzjoni u eventwalment il-vot diġa' ħafna iżgħar tal-PN jerġa' jinqasam.  Meta wieħed jiftakar illi ir-ribelli ma jridux jaħdmu ma' Delia u allura koalizzjoni mhijex possibli, dan ix-xenarju jħalli lill-Partit Nazzjonalista mifluġ u mkisser elettoralment. 

Tinstab soluzzjoni u l-PN ikompli fejn ħalla

Dan ix-xenarju, bħall-ewwel, huwa daqstant improbabbli.  Huwa marbut mal-ewwel xenarju fil-fatt għaliex ir-ribelljoni interna issa tant eskalat u daħlet 'il ġewwa li huwa verament diffiċli li jinsab kompromess li huwa dejjiemi u li jissupera d-dubji, r-rabja, l-isfiduċja u s-suspett li hemm bejn iż-żewġ fazzjonijiet. 

Biex isir realtà dan ix-xenarju bilfors li jrid iċedi xi ħadd - jew inkella kulħadd iċedi biċċa.  Biex dan isir iżda u biex il-proċess ta' fejqan ikun komplut iridu jgħaddu snin u żgur elezzjioni ġenerali. 

More in Politika