'L-unika soluzzjoni biex insalvaw lill-PN hija bidla fit-tmexxija' - Richard Muscat

Eks Kandidat u xandar fuq il-midja Nazzjonalista jingħaqdu wkoll ma' kor dejjem jikber ta' nies li qed jappellaw biex tittieħed deċiżjoni wara l-vot ta' sfiduċja lbieraħ

Richard Muscat kien magħżul biex imexxi lill-Kummissjoni għall-Għażla tal-Kandidati tal-PN minn Delia
Richard Muscat kien magħżul biex imexxi lill-Kummissjoni għall-Għażla tal-Kandidati tal-PN minn Delia

Wara li tkellem Louis Galea illi talab lil Delia jirriżenja biex jagħmel spazju għal Kap Nazzjonalista ġdid kien imiss Richard Muscat li jappella lil Adrian Delia biex iwarrab minn Kap Nazzjonalista. 

F'messaġġ twil fuq Facebook Muscat - li kien maħtur minn Delia biex imexxi l-Kummissjoni għall-Għażla tal-Kandidati tal-PN -  sostna illi hu jiftakar lill-partit għaddej minn mumenti diffliċli u fakkar fil-bidliet fl-1977 illi permezz tagħhom kien hemm bidla fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista u kien elett Eddie Fenech Adami.   Huwa qal li d-deċiżjoni tal-Eżekuttiv tal-bieraħ ifisser li trid tittieħed deċiżjoni importanti. 

"Din mhux kwistjoni ta' lealtà lejn persuna - ċertament li tiegħi qatt ma kienet u qatt ma tista' tkun lealtà 'at all costs'.  Jiena inpoġġi prezz għal-lealtà u dan huwa l-prinċipji li nemmen fihom" qal Muscat.  Huwa kompla jgħid li fil-kuxjenza jħoss li għandu jkun hemm soluzzjoni definittiva għal din il-kriżi permezz "ta' bidla fit-tmexxija bħala l-unika triq vijabbli biex insalvaw lill-Partit Nazzjonalista."

Intant aktar persuni tkellmu f'dan is-sens fl-aħħar sigħat bil-kandidat Nazzjonalista fl-2017 - Alan Abela Wadge jisħaq illi Delia għandu jafda l-futur tiegħu fit-tesserati. 

Indirizza b'mod direttament lill Delia.  "Is-separju inbidel minn tlett snin ilu 'l hawn, ma tistax tibqa' tinħeba wara riżultat ta' tlett snin ilu u tgħid li għandek mandat biex tmexxi lill-Partit. Bl-istess raġunar tiegħek allura ma kienx ikun hawn dan it-tibdil ta' Prim Ministru u Ministri fl-aħħar snin għax huma wkoll kellhom mandat ċar mingħand in-nies."

Ix-xandar fuq il-midja tal-PN Sergio Mallia saħaq li wara l-vot tal-bieraħ, "inħoss li jkun żbaljat li t-tmexxija u Adrian Delia jgħidu li dawn l-voti m’għandhom l-ebda konsegwenza.  L-ikbar konsegwenza hi li l-eluf ta' votanti Nazzjonalisti qed jiġġudikaw lill-PN fis-silenzju ta' darhom.  Illum, iktar minn qatt qabel, hemm bżonn li ma nibqgħux ċassi u tittieħed deċiżjoni dejjiema għax kważi diġà tard."

More in Politika