L-ekonomija Maltija mistennija tikber aktar mill-medja tal-UE minkejja l-pandemija

Fitch Ratings tgħid illi l-ekonomija Maltija mistennija tikber b'rati akbar minn dawk tal-medja fl-Unjoni Ewropea

Malta baqgħet fil-klassifika tal-pajjiżi A+ fir-rapport li għadha kemm ippubblikat Fitch Ratings. Din l-aġenżija internazzjonali ikkonfermat li l-prospetti għar-rating ta’ pajjiżna baqgħu stabbli minkejja l-impatt negattiv tal-pandemija li madwar id-dinja dejjem qed jiġi rivedut ‘il fuq.

Fil-fatt, mindu faqqgħet il-Covid-19, din l-aġenzija naqset il-prospetti tal-Belġju, Franza, il-Latvja u Rumanija minn stabbli għal negattiv, filwaqt li tat downgrade fir-rating tar-Renju Unit minn AA għal AA- bi prospett negattiv u naqqset ir-rating tal-Islovakkja minn A+ għal A.

L-esperti tal-Fitch Ratings, l-istess bħal dawk tal-IMF u tal-Kummissjoni Ewropea, qed ibassru li, minkejja d-dipendenza ta’ pajjiżna fuq industriji bħat-turiżmu, l-impatt tal-Covid-19 fuq Malta ser ikun inqas minn dak fiż-żona ewro. Isostnu li l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna ser ikun 2.1% aħjar mill-medja taż-żona ewro fl-2020. Filwaqt li fl-aġġornament preċedenti tagħhom l-esperti tal-Fitch kienu inċerti fuq it-tbassir tagħhom għal pajjiżna.

Ir-rapport jistqarr li “l-potenzjal ta' Malta għat-tkabbir f'termini medju jibqa' b'saħħtu u ħafna aħjatr mill-medja." 

Il-Gvern fi stqarrija sostna li dan ifisser li l-impatt tal-pandemija se jkun temporanju u mhux se jaffettwa l-potenzjal ekonomiku ta’ pajjiżna. Element importanti huwa s-sostenn qawwi li ser ikun qed jagħti l-Gvern li, skont il-Fitch Ratings, ilaħħaq aktar minn 10% tal-ġid nazzjonali.

L-esperti internazzjonali qed ibassru li, f’temp ta’ sentejn, mistenni jkun hemm “ritorn fħal xi forma ta' tkabbir ekonomiku” li jwassal biex id-defiċit li jkun inħoloq biex isostni s-sostenn tal-Gvern, jerġa’ jiġi fil-livell stipulat fit-trattat ta’ Maastricht. Ta’ min jinnota li l-esperti tal-Fitch jgħidu li l-piż tad-dejn nazzjonali mhux ser jaqbeż is-60% tal-ġid nazzjonali, jiġifieri se jibqa’ ferm anqas mil-livell fl-2012.

Ir-rapport jipproġetta li, minkejja n-nuqqas ta’ domanda esterna, Malta ser tibqa’ tesporta aktar milli timporta. L-esperti tal-Fitch Ratings huma fiduċjużi wkoll fuq is-saħħa tal-banek Maltin li għandhom likwidtà għolja ħafna.

Il-Gvern saħaq illi din l-analiżi hija "ċertifikat ieħor pożittiv dwar l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna. Kontra n-negattività u l-biża li ppruvaw ixerrdu wħud, aġenzija internazzjonali waħda wara l-oħra qed jikkonfermaw prospetti stabbli għal pajjiżna u jbassru impatt inqas negattiv mill-bqija taż-żona ewro."

More in Politika