Nhar is-Sibt kulħadd għal Birżebbuġa ħalli tgħinu lill-Fondazzjoni Marigold!

Nhar is-Sibt li ġej Michelle Muscat b'maratona ta' għawm u inti mistieden tmur tgħum ukoll biex tiddeverti tagħti appoġġ u tgħin lill-Fondazzjoni Marigold.  Mela nhar is-Sibt li ġej, tmur imkien jekk mhux Birżebbuġa ...

Wara li ġimgħa ilu rajna lil Neil Agius jgħum biex jgħaddi messaġġ favur il-pjaneta li qed ngħixu fiha, nhar is-Sibt li ġej imiss lil Michelle Muscat tagħmel l-għawma tradizzjonali tagħha bħala Chairperson tal-Marigold Foundation - għas-sitt darba f'dak li issa donnu sar avveniment annwali. 

Din id-darba iżda Muscat mhux se tkun qed tgħumha minn punt sa ieħor imma se tkun qed tesegwixxi maratona ta' għawm bla waqfien, mid-9:00 a.m sas-7:00 p.m.  U magħha se tkunu tistgħu tingħaqdu intom tgħumu, tiddevertu u tieħdu pjaċir - għal ħlas ċkejken fil-forma ta' donazzjoni għall-Fondazzjoni. 

Din is-sena l-għawma se teħodna fir-raħal sabiħ fin-nofsinhar tal-pajjiż, Birżebbuġa, fejn l-attivtajiet u d-divertiment se jkunu għaddejjin il-ġurnata kollha fil-Bajja s-Sabiħa (Pretty Bay).

Il-pubbliku se jkun jista' jipparteċipa f'din is-swimathon għal ħlas ta' €10 li jmorru għall-Fondazzjoni Marigold.  L-avveniment se jkun miftuħ ukoll għal dawk li għandhom sfidi ta' mobilità b'diversi karreġjati ta' mobilità għal ġol-baħar u siġġijiet tar-roti li jinżlu fil-baħar. 

Se jkun hemm ukoll tliet karreġġjati oħra:  waħda għal dawk li jixtiequ jgħumu b'veloċità, oħra għal dawk li jixtiequ jgħumu normali u oħra msejħa fun lane. 

L-Assoċjazzjoni tal-Isports Akwatiku se tipparteċipa ukoll billi tinvolvi plejers tal-waterpolo li se jkunu qed jagħmlu l-iswimathon fil-pixxina ta' District5 li tmiss mal-Bajja s-Sabiħa.

Fil-bajja se jkun hemm diversi attivitajiet matul il-ġurnata kollha għal dawk l-għexieren jekk mhux mijiet ta' nies li mistennijin jinżlu Birżebbuġa jgħumu, jiddevertu, jaraw lil Michelle Muscat għaddejja bl-iswimathon u jagħtu xi ħaġa żgħira lill-Fondazzjoni. 

Dawk li jixtiequ jieħdu sehem f'din l-iswimathon flimkien ma' Michelle Muscat għandhom jirresġistraw kmieni kemm jista' jkun minn dawn il-postijiet:  Il-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq, il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, il-Kumpless Sportiv ta' Ħal Kirkop, il-Kunsill Lokali ta' Birżebbuġa jew jibgħtu messaġġ lill-Fondazzjoni Marigold fuq il-paġna ta' Facebook tagħha.

Mela is-Sibt kulħadd għal Birżebbuġa bil-malji, goggles u €10 fil-but ħa tieħdu gost u tagħtu xi ħaġa żgħira lil min għandu bżonn kbir!

X'tagħmel il-Fondazzjoni Marigold?

L-għan tal-Fondazzjoni Marigold hija biex tagħti s-saħħa lin-nies u biex ittejjeb l-istandards, tappoġġja inizjattivi u ssaħħaħ il-vuċijiet ta' dawk li fil-bżonn.

Kemm fuq livell makro, kif ukoll fuq livell mikro, l-Fondazzjoni Marigold tagħti għajnuna fuq livelli varji primarjament; l-iżvilupp tal-komunità, saħħa, bżonnijiet speċjali u edukazzjoni. 

Il-Fondazzjoni ma tgħinx individwi kif tagħmel il-Community Chest Fund, per eżempju, imma tgħin għaqdiet non governattivi fl-oqsma li ssemmew hawnhekk - kemm jekk ikunu għaqdiet stabbiliti u anke jekk ikunu għaqdiet li għadhom jibdew. 

Il-Fondazzjoni Marigold qajmet ħafna għarfien u tagħti wkoll għajnuna lil dawk l-għaqdiet li jgħinu persuni b'mard rari.

Michelle Muscat
Michelle Muscat

More in Politika