'Ma hemmx ċenteżmu għall-kampanja elettorali ... ikollna niddejnu'

Sorsi differenti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista jispjegaw kif kieku l-Prim Ministru kellu jsejjaħ elezzjoni ġenerali sa nofs is-sena d-dieħla, il-PN se jispiċċa dahru mal-ħajt għax ma hemmx saħħa ta’ flus biex tiġi organizzata kampanja elettorali

Sorsi differenti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista inkluż membri tal-Grupp Parlamentari saħqu mal-ILLUM illi li kieku l-Prim Ministru kellu jmur għal elezzjoni ġenerali sa nofs is-sena d-dieħla, il-Partit se jsib ruħu fuq sieq waħda u dahru mal-ħajt, għax fi kliem wieħed mis-sorsi: “ma hemmx ċenteżmu wieħed għall-kampanja.”

Minkejja li l-Prim Ministru saħaq li l-elezzjoni mhux se tiġi qabel l-2022, sorsi fi ħdan il-Partit Laburista u sorsi infurmati sew mill-Gvern, baqgħu jisħqu mal-ILLUM li l-possibbilità ta’ elezzjoni ġenerali bikrija hemm għadha, kemm għax Abela jrid inaddaf lill-Gvern wara l-aħħar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u anke minħabba beżgħat dwar l-ekonomija.

Kien għalhekk li l-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ diversi sorsi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista li insistew li anke jekk qed tissemma’ din il-possibbilità u għalkemm, internament dejjem jingħad li l-PN irid jibda jħejji lilu nnifsu, jibqa’ qatt ma jsir xejn fil-konkret.

“Il-problema hi li ma hemmx saħħa ta’ flus,” insista wieħed mis-sorsi u dan minkejja li l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Affarijiet tal-Partit, Robert Arrigo saħaq li l-PN għamel profitt u issa għandu “stabbilitàfinanzjarja.”

Madanakollu, is-sorsi saħqu li kull ċenteżmu li qed jidħol qed jintefaq biex il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jkampa minn jum għall-ieħor, fosthom għall-ħlas tal-pagi u spejjeż oħra. “Ma hemmx flus biżżejjed biex il-Partit ifaddal,” insista wieħed mis-sorsi.

Kompla jisħaq li f’każ li tfeġġ kampanja elettorali, il-Partit se jkollu jew jiddejjen jew inkella jiġbor kemm jista’ mill-maratoni.

L-aħħar elezzjoni ġenerali, jiġifieri dak tal-2017, swiet lill-Partit Nazzjonalista €1.3 miljun li jinkludu r-reklamar, l-attivitajiet politiċi u anke l-inzijattivi fuq il-midja soċjali. Dan l-ammont ma kienx jinkludi l-ħlas tal-ħaddiema, li fi żmien kampanja elettorali jridu jaħdmu għal ħinijiet twal.

Fl-2017, il-Partit Nazzjonalista kien ġabar dawn il-€1.3 miljun mid-donazzjonijiet u sa ftit xhur wara l-Partit kien ħallas kollox u ma ħalla l-ebda dejn fuq il-kampanja elettorali.

“L-aħħar kampanja elettorali salvajniha biċ-ċedoli. Din id-darba s-sitwazjoni hija differenti. Min ta, mhux se jerġa’ jagħti,” insista Deputat. 

Sorsi oħra fil-Partit Nazzjonalista saħqu li tant kemm ma hemmx saħħa ta’ flus, li l-attivisti tal-Partit Nazzjonalista qed ikunu mħeġġa minn ġewwa biex ma joqogħdux isemmu u jħeġġu biex issir elezzjoni ġenerali bikrija.

“Id-dikjarazzjoni tal-PM li mhux se jsejjaħ elezzjoni qabel l-2022 tatna ftit tan-nifs,” insista sors ieħor fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.

X’qal Robert Arrigo dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit?

Fuq Facebook, nhar is-7 ta’ Ġunju, il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo saħaq kif minkejja li fl-aħħar 30 xahar il-Partit Nazzjonalista kellu jħassar żewġ maratoni ta’ ġbir ta’ fondi, waħda minħabba sitwazzjoni interna u l-oħra minħabba l-COVID-19, il-kontijiet awditjati juru li l-PN għamel profitt.

Apparti minn hekk, Robert Arrigo insista li l-Partit Nazzjonalista għandu €36 miljun f’assi.

“Irristrutturajna kemm finanzjarjament u anke l-ħaddiema tagħna. L-impjegati għamlu s-sagrifiċċji. Issa għandna pjan ... Kburin li għandna stabbilità finanzjarja li tippermetti li nħarsu ‘l quddiem u ninvestu,” insista Arrigo.

Skont Arrigo, kull sena, il-midja tal-Partit Nazzjonalista kienet qed titlef €1 miljun, l-istess kif kienet żvelat il-gazzetta ILLUM fi Frar li għadda. Fi kliemu, sas-sena d-dieħla, din mhux se tagħmel aktar telf u dan mingħajr ma tbigħ l-assi tagħha jew iżżid il-piż fuq il-Partit.

“Flus il-poplu ġew investiti tajjeb. Is-sistema taċ-ċedoli kienet suċċess u issa laħqet il-500 kuntratt,” saħaq il-Viċi Kap.

Sal-2018, fl-aħħar rapport finanzjarju ppubblikat mill-Uffiċċju Elettorali, il-Partit Nazzjonalista ddikjara li kellu deficit ta’ kważi €706,000.

X'kienet żvelat il-gazzetta ILLUM?

Fit-23 ta’ Frar li għadda, il-gazzetta ILLUM kienet żvelat kif il-Partit Nazzjonalista għandu mat-€12-il miljun fi djun ma' entitajiet tal-Gvern biss.

L-akbar porzjon minn dan id-dejn huwa ta' madwar €10 miljuni f'taxxa tad-dħul u bolla tal-ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista li għadhom ma tħallsux.

Madwar €1.5 miljun oħra huma dejn tal-Partit Nazzjonalista mal-ARMS u allura f'kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Il-gazzetta oħt MaltaToday kienet żvelat ukoll kif il-Partit Nazzjonalista għandu, b’kollox €34 miljun f’dejn. 

Il-Partit Nazzjonalista kien ċaħad li d-dejn tela’ daqahekk għalkemm fl-ebda mument ma qal kemm fil-fatt hu.

More in Politika