15-il każ biss attiv ta' COVID-19; Ifiequ seba' pazjenti oħra

Fl-aħħar 24 siegħa saru 'l fuq minn 1,000 test u persuna waħda rriżultat pożittiva għall-COVID-19

Malta issa għandha biss 15-il każ attiv ta' COVID-19 u dan hekk kif fl-aħħar 24 siegħa fiequ seba' pazjenti oħra bil-COVID-19.

Intant, ilbieraħ saru 1,135 test u minnhom irriżulta każ wieħed ġdid ta' COVID-19. Il-każ kien wieħed sporadiku fejn il-pazjent żviluppa xi sintomi.

B'kollox, sa issa, f'Malta kien hawn 671 pazjent bil-COVID-19 u minnhom 647 fiequ. Disa' persuni tilfu ħajjithom.

Għal dawn l-aħħar jiem l-għadd tal-każi kien wieħed baxx ħafna tant li bejn il-Ġimgħa u t-Tnejn ma kienu rrapportati l-ebda każi ġodda.

Intant, mil-lum Malta rrilaxxat ir-restrizzjonijiet kollha u lanqas ma għadha taħt emerġenza tas-saħħa pubblika.

L-appell jibqa' biex wieħed jimxi mal-prinċipji tad-distanza soċjali, l-iġjene u anke l-ilbies tal-maskra u l-visors fejn indikat.

More in Politika