Angelo Gafà: 'Kull każ ta' korruzzjoni se jkun investigat, mija fil-mija. Mhu se nħares lejn wiċċ ħadd'

Il-Kummissaju tal-Pulizija l-ġdid jagħmilha ċara illi l-Korp tal-Pulizija jeħtieġ jibgħat messaġġ, li l-affarijiet se jinbidlu - Ipoġġi lill-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo fit-tmun tal-Unit tar-Reati Ekonomiċi

Waqt l-ewwel Konferenza tal-Aħbarijiet tiegħu l-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid Angelo Gafà - f'dak li jidher illi se jkun Kummissarjat  aktar miftuħ għall-midja mill-predeċessur tiegħu -  qal li l-Korp immexxi minnu mhu se jkun influwenzat minn ħadd, "la qatt għamiltu u lanqas qatt se nagħmlu dan," sostna Gafà.  "Nagħti garanzija li kull każ ta' korruzzjoni se jkun investigat, mija fil-mija u mhu se nistennew lil ħadd biex dan isir.  Jiena qatt ma ddejjaqt minn ħadd u ma jimpressjonani l-ebda isem.  Jekk xi ħadd daħal fil-problemi, daħal hu u allura l-Korp immexxi minni mhu se jħares lejn wiċċ ħadd,"  sostna fl-ewwel messaġġ pjuttost skjett tiegħu.

"Jiena nemmen li l-ġustizzja mhux biss trid issir, imma trid tidher li qed issir," sostna Gafà dwar il-każi ta' korruzzjoni li qed jimplikaw diversi politiċi, kemm mill-Partit Laburista u anke mill-Partit Nazzjonalista. 

Mistoqsi għalfejn il-poplu għandu jaħseb li hu differenti mill-predeċessuri tiegħu huwa wieġeb illi l-passat huwa l-garanzija tal-futur.  "Jiena se nitlob b'mod regolari updates fuq dawn il-każijiet."

Spjega wkoll il-bidliet fil-mod kif inhu organizzat il-Korp tal-Pulizija għax qal li jemmen illi l-Korp irid jibgħat messaġġ ċar li l-affarijiet se jinbidlu.  Fil-fatt illum stess, il-Kummissarju l-ġdid ħabbar illi se jkun qed iqiegħed lill-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo, Kap tal-Unit tar-Reati Ekonomiċi - li jinkludu diversi reati bħal frodi u ħasil tal-flus.  "Dan id-Dipartiment bħalissa jinsab taħt skrutinju u allura jeħtieġ ikun immexxi minn xi ħadd li għandu l-appoġġ ta' kulħadd." 

Wara l-iskrutinju li sar lbieraħ quddiem il-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi,  Angelo Gafà nħatar uffiċjalment bħala Kummissarju tal-Pulizija.  Dan tħabbar fi stqarrija mill-Gvern aktar kmieni illum, fejn tfakkar li din kienet l-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta li l-Kummissarju tal-Pulizija nħatar b’din is-sistema ġdida.

Din il-ħatra ssegwi sejħa pubblika u sussegwentament proċess ta’ għażla mmexxi mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

“Din hi waħda mill-bidliet ewlenin li pajjiżna għamel f’dawn l-ewwel xhur tas-sena biex jibgħat messaġġ ċar li l-politiku kien lest jitlaq minn idejh poteri li minn dejjem kienu esklussivament tiegħu,” qal il-Ministru Bryon Camilleri.

Il-gazzetta ILLUM kienet żvelat f'Mejju li għadda li fost l-ismijiet kollha li kienu qed jissemmew, Angelo Gafà kien il-favortit.

More in Politika