Il-waqgħa ta’ Cardona ... Is-sitt daqqiet li niżluh

Ċaħad l-allegazzjonijiet kollha iżda dawn kienu biżżejjed b’saħħithom biex niżluh ... kif qed ikun implikat Cardona?

Kien Ministru u ma baqax, kien Deputat u rriżenja, kien Deputat Mexxej tal-Partit Laburista u Robert Abela talbu jwarrab. Din hija l-istorja ta’ Chris Cardona fl-aħħar xhur. Kemm ilu l-Partit Laburista fil-Gvern, Cardona qatt ma kien nieqes mill-kontroversji, bl-aktar waħda li baqgħet tissemma kienet dik meta l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia allegat li waqt li kien fuq żjara uffiċjali fil-Ġermanja żar burdell. Iżda żgur li qatt ma ntefa’ taħt dell tqil daqs l-aħħar ġimgħat meta qed ikun implikat bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, allegazzjonijiet li hu qed jiċħad kategorikament.

F’dan l-artiklu l-gazzetta se tispjega dak li ntqal dwar Chris Cardona minn qabel ma tressaq il-Qorti Yorgen Fenech akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-ewwel daqqa: Tasal ittra għand Yorgen Fenech

Kollox beda minn ittra. Iżda x’inhi din l-ittra? Kif waslet għand Yorgen Fenech u x’kienet tgħid?

Meta Yorgen Fenech kien għadu qed ikun interrogat, waqt li kien fuq police bail, waslet għandu ittra li bażikament kienet tagħtih struzzjonijiet biex jitfa’ l-ħtija kollha tal-assassinju fuq Daphne Caruana Galizia.

Allegatament, din l-ittra kienet waslet għand Yorgen Fenech mingħand Keith Schembri permezz tat-tabib personali tagħhom Adrian Vella. 

Kien Vella stess li qal lill-Pulizija li kien Keith Schembri li talbu jgħaddi l-ittra lil Fenech, allegazzjoni li Schembri qed jiċħad.

Din l-ittra kienet miktuba bl-idejn u mimlija taħżiż. Skont l-ittra, dwar Cardona, Fenech kellu jgħid lill-Pulizija hekk:

  • Chris Cardona għamel pressjoni fuq Alfred Degiorgio (il-Fulu) biex jeħles minn Caruana Galizia minħabba l-każ tal-libell li hu kellu kontriha dwar l-Acapulco. 
  • L-Avukat David Gatt (ara aktar ‘il quddiem) kellu jikkordina kollox.
  • Cardona kien jiltaqa’ ta’ spiss ma’ Degiorgio ġo bar fis-Siġġiewi. Ċertu Fredu, magħruf bħala l-Iblah, kien ikun magħhom. Dan Fredu kien jaħdem il-Ministeru u kien hu li informa lil Degiorgio biex jibda jmur il-bar biex jiltaqa’ ma’ Cardona.
  • Cardona l-ewwel wiegħed €300,000 imma mbagħad Degiorgio ried li jkollu liċenzja mal-Freeport biex ikun jista’ jdaħħal sigaretti u xorb tal-kuntrabandu. Cardona aċċetta. Seħħ il-qtil.
  • L-ittra tpinġi lil Melvin Theuma, l-intermedjarju, bħala persuna involuta ma’ Cardona u li kien qed jhedded lil Fenech biex jagħtih il-flus u li jekk ma jagħmilx dan kienu se jitfgħu l-ħtija ta’ kollox fuqu.

Chris Cardona kien mistoqsi mill-Pulizija dwar din l-ittra tant li għal ftit jiem kien issospenda lilu nnifsu mill-Kabinett, dak iż-żmien immexxi minn Joseph Muscat.

Huwa kien ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet kollha msemmija fl-ittra. Waqt laqgħa tal-kabinett li kienet issejħet urġenti fit-28 ta’ Novembru kien diskuss il-kontenut ta’ din l-ittra u jekk din kinitx attentat ta’ ‘frame-up’ fuq Cardona mill-eks Chief of Staff Keith Schembri u Yorgen Fenech.

Wara laqgħa oħra, li kienet saret il-Girgenti, Cardona kien kompla fejn ħalla bħala Ministru għall-Ekonomija sakemm sar Prim Ministru Robert Abela u ma baqax parti mill-Kabinett.

It-tieni daqqa: ‘Jinstab mowbajl fil-baħar’

Għal ftit tal-ġimgħat isem Chris Cardona fl-investigazzjoni ma kienx għadu qed jinstema’, sakemm fit-13 ta’ Frar li għadda, waqt li kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, Melvin Theuma, l-intermedjarju li kien ingħata l-proklama, qal li nstab mowbajl viċin it-tinda tal-patata u fih kien hemm imniżżel biss in-numru ta’ Chris Cardona.

It-tinda tal-patata huwa l-post fejn f’Diċembru tal-2017 kienu ġew arrestati l-irġiel akkużati li segwew il-passi ta’ Caruana Galizia u poġġew il-bomba li qatlitha.

Melvin Theuma kien xehed kif kien Yorgen Fenech stess li qallu li fil-baħar, viċin it-tinda tal-patata fil-Marsa kien instab mowbajl u li allegatament Alfred Degiorgio kien juża biex jikkomunika ma’ Chris Cardona.

Skont Theuma, Fenech sar jaf din l-informazzjoni mingħand Keith Schembri.

Cardona kien saħaq li l-Pulizija qatt ma kellmuh fuq dan. Insista li l-Pulizija qatt ma kkonfermaw din l-informazzjoni u hija biss xi ħaġa li Yorgen Fenech qal lil Melvin Theuma.

It-tielet daqqa: Allegazzjoni serja li Cardona għadda flus lill-aħwa Degiorgio

Wara li l-kumpilazzjoni tal-evidenza kellha tieqaf għal ġimgħat sħaħ minħabba l-pandemija, Melvin Theuma reġa’ lura b’xhieda xokkanti kontra l-eks Ministru.

Melvin Theuma qal li l-irġiel akkużat bil-qtil ta’ Caruana Galizia ħadu “350” biex wettqu l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, informazzjoni li skontu, waslet għandu mingħand Johann Cremona, sieħeb fin-negozju ma’ Yorgen Fenech.

Dawn it-“350” waslu mingħand Chris Cardona.

Chris Cardona jerġa’ jiċħad ukoll dawn l-allegazzjonijiet. Jiddeskrivihom bħala “bla sens u bbażati fuq il-gideb.”

Ir-raba' daqqa: Intermedjarju bejn Cardona u l-Fulu?

Fil-Qorti Melvin Theuma jiddeskrivi lil ċertu Anthony Chetcuti, magħruf bħala l-Biglee, bħala intermedjarju bejn Chris Cardona u Alfred Degiorgio. Dan Anthony Chetcuti huwa canvasser ta’ Chris Cardona.

Skont Melvin Theuma, kien dan il-Biglee li għadda t-“350” mingħand Cardona għal għand il-Fulu.

L-istess Biglee ssemma’ wkoll minn Johann Cremona (is-sieħeb ta’ Yorgen Fenech fin-negozju) waqt ix-xhieda tiegħu. Skont Cremona, darba Yorgen Fenech bgħatlu ritrattt tal-Biglee u qallu li dan huwa “l-intermedjarju” bejn Chris Cardona u Degiorgio.

Il-ħames daqqa: ‘Iridu jħejju €400,000 qabel il-ġuri’

Melvin Theuma xehed ukoll kif darba, Mario Degiorgio (ħu Alfred u George Degiorgio) kien spjegalu kif David Gatt kien qallu li qabel jibda l-ġuri jrid iħejji €400,000.

Dan David Gatt huwa avukat li jaqsam uffiċċju ma’ Chris Cardona.

L-istess David Gatt, dejjem skont ix-xhieda ta’ Melvin Theuma, kien bagħat messaġġ ma’ xi ħadd jisħaq li jekk l-aħwa Degiorgio kienu se jitfgħu l-ħtija fuq Cardona kien joqtolhom.

Gatt kien bagħat dan il-messaġġ għax darba, wara l-Qorti, waqt li kienu fil-vann tal-ħabs, l-aħwa Degiorgio allegatament bdew jifthemu biex iweħħlu f’Cardona. Skont Theuma, semagħhom uffiċjal tal-ħabs, irrekordjahom u informa lil Gatt.

Is-sitt daqqa: Allegazzjoni li Cardona spiċċa b’overdose 

Melvin Theuma jgħid li Chris Cardona kien iddaħħal l-isptar wara li sofra overdose.

“Kien inkwetat dwar il-qtil ta’ Daphne. Fenech qalli li bela’ xi pinnoli u ddaħħal l-isptar. Kien ċert dwar dak li qed jgħid,” xehed Theuma fil-Qorti.

Madanakollu, meta mistoqsi mill-Avukat Jason Azzopardi jekk Fenech qattx qallu li Cardona kien ittieħed fi sptar f’Tas-Sliema wara li nstab b’revolver f’ħalqu, Theuma wieġeb fin-negattiv.

Anke dawn l-allegazzjonijiet ġew miċħuda totalment minn Cardona. Huwa insista li qatt ma ddaħħal l-isptar u ħeġġeġ lill-midja biex tiċċekja r-records tal-isptarijiet.

More in Politika