‘F’dan il-perjodu ħadna tagħlima ... jeħtieġ insaħħu u nifhmu l-importanza tar-riżorsi tagħna’

Mis-sajd u l-ikel sal-qasam diġitali. Il-Ministru Carmelo Abela jitkellem mal-gazzetta ILLUM dwar kif il-pajjiż jista’ jsaħħaħ aktar ir-riżorsi tiegħu kif l-imxija tal-COVID-19 tista’ tgħinha nifhmu dan

Is-settur tat-turiżmu huwa importanti immens għal Malta. Malli feġġet l-imxija tal-COVID-19 u ngħalaq l-ajruport, in-nuqqas ta’ turisti nħass sew u bħal katina kull negozju kien affettwat. Anke jekk l-ajruport jiftaħ fil-ġimgħat jew ix-xhur li ġejjin, dan is-settur se jirkupra ftit ftit u propju għalhekk li l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, saħaq mal-ILLUM li l-pajjiż għandu jħares u jagħti aktar importanza lir-riżorsi tiegħu, mis-settur tal-ikel sal-qasam diġitali.

Fost dawn, mal-Ministru Abela, l-ILLUM tkellmet dwar settur li ftit li xejn nitkellmu dwar l-importanza tiegħu, jiġifieri dak tal-ikel, u ħarset b’mod partikolari lejn is-sajd.

“Irridu naħsbu fit-tul dwar is-sitwazzjoni tas-settur tal-ikel f’pajjiżna jekk aħna rridu li nkunu kemm jista’ jkun dipendenti fuq ir-riżorsi tagħna. Ħadna tagħlima f’dan il-perjodu u għalhekk dan huwa punt li tajjeb li nistudjaw. Aħna gżira u għalhekk ma nistgħux ninsew l-importanza tas-sajd u anke l-isfidi li s-sajjieda jħabbtu wiċċhom magħhom,” insista l-Ministru.

Mistoqsi x’qed jagħmel il-Gvern biex jgħin lis-sajjieda, il-Ministru Abela saħaq li hu tkellem ma’ diversi sajjieda u kellu wkoll diskussjonijiet mal-Ministru Anton Refalo li huwa responsabbli minn dan il-qasam.

“Il-Gvern se jkun qed jara li jagħti l-għajnuna kollha possibbli f’dan ir-rigward,” saħaq il-Ministru. Insista li l-Gvern irid li dan is-settur jibqa’ ħaj u jissaħħaħ, sabiex jekk fil-futur il-pajjiż ikollu sfidi simili bħal dawk li għaddejna minnhom fl-aħħar ġimgħat, dan is-settur ikollu biżżejjed saħħa biex ikampa.

Insista li l-prodott Malti huwa tajjeb u ta’ kwalità.

Irridu naħsbu fit-tul dwar is-sitwazzjoni tas-settur tal-ikel f’pajjiżna
Irridu naħsbu fit-tul dwar is-sitwazzjoni tas-settur tal-ikel f’pajjiżna

Għaliex ma għandux ikollna siġar tal-frott imħawla fit-toroq tagħna?

Apparti l-għajnuna li tingħata lis-sajd, lill-agrikoltura u lis-settur kollha tal-ikel, il-Ministru Abela saħaq li l-Gvern irid iħares lejn kif il-pajjiż jista’ jsir aktar dipendenti fuq ir-riżorsi tiegħu u kif jista’ jagħmel l-aħjar użu minn dawn ir-riżorsi.

“Jekk inħarsu lejn bliet barranin pereżempju, naraw li f’ħafna bliet hija komuni li s-siġar fil-ġenb tat-triq ikunu siġar tal-frott, b’mod speċjali siġar tal-larinġ. Is-siġar jieħdu ħsiebhom jew il-komunità jew il-belt inkwistjoni u l-frott ikun jista’ jinqasam bejn in-nies tal-lokal. Din hija xi ħaġa interessanti kemm għaliex l-art li tintuża għal affarijiet hekk tkun art pubblika, u anke għaliex il-benefiċċju jkun wieħed dirett għal min joqgħod maġenb din l-art,” ippropona Abela. “Għandna nħarsu lejn aktar eżempji ta’ awto sostenibbilità”

Il-Ministru Abela huwa responsabbli li jsegwi l-miri tal-iżvilupp sostenibbli sas-sena 2030, liema miri nħarġu mill-Ġnus Magħquda. Tkellimna mal-Ministru fuq dawk l-oqsma, minn 17-il mira, li l-Gvern qed jaħdem fuqhom anke f’dan iż-żmien tal-imxija.

Diġitalizzazzjoni: It-tajjeb li ħareġ mill-imxija ma għandux jintesa

Kien hawn li l-Ministru tkellem fuq il-qasam tad-diġitalizzazzjoni li matul dawn il-ġimgħat ħareġ bħala wieħed kruċjali mmens. Fi kliemu, dan jaħdem id f’id ma’ miri oħra marbuta mal-ekonomija u anke s-sostennibbilità u t-tibdil fil-klima. 

Fi kliem il-Ministru, ġaladarba l-effiċjenza ma tonqosx, dak li hu tajjeb u li ħareġ mill-pandemija ma għandux jintesa meta jgħaddi kollox.  Fost dawn semma x-xogħol mid-dar. Insista li għal min irnexxielu jibqa’ għaddej bl-istess ritmu ta’ xogħol mid-dar, dan jista’ jsir b’mod aktar regolari meta jgħaddi kollox. 

Dan jista’ jgħin mhux biss għall-motivazzjoni tal-ħaddiema imma anke għax għen biex naqas it-traffiku u eventwalment rajna t-tnaqqis fit-tniġġis tal-arja. 

Ovvjament, kompla l-Ministru, li huwa wkoll responsabbli mir-relazzjonijiet industrijali, dan ma għandux joħloq lok għal abbuż fejn wieħed jispiċċa jkun marbut li jaħdem fi kwalunkwe ħin jew ħinijiet itwal bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt. 

Il-Ministru temm jisħaq li b’ġebla waħda nistgħu nolqtu żewġ għasafar. “Ekonomija diġitali li timbutta kemm aktar innovazzjoni, aktar aċċessibilità u aktar effiċjenza.”

More in Politika