L-ajruport se jinfetaħ għal 19-il destinazzjoni

Aktar dettalji mistennija jingħataw illum waqt konferenza tal-aħbarijiet

Malta se tkun qed tiftaħ l-ajruport tagħha għal 19-il destinazzjoni. Qalet dan il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli hekk kif ilbieraħ il-Prim Ministru ħabbar li Malta se tiftaħ l-ajruport u l-portijiet mill-1 ta’ Lulju.

Farrugia Portelli qalet dan waqt il-programm Insights fuq TVM anke jekk ma qalitx liema se jkunu dawn id-destinazzjonijiet.

Hija qalet li se jkun hemm diversi miżuri ta’ prekawzjoni kemm fis-sala tat-tluq u anke f’dik tal-wasliet, fosthom check-ins virtwali u miżuri ta’ distanza soċjali.

Meta persuna tidħol u qabel toħroġ mill-ajruport se tkun qed titteħdilha t-temperatura u l-maskri se jkunu obbligatorji.

Hu mifhum li aktar dettalji dwar il-ftuħ tal-ajruport, fost miżuri oħra, mistennija jitħabbru aktar tard illum.

More in Politika