Repubblika titlob għal Mandat ta' Arrest Ewropew kontra Konrad Mizzi

Mizzi bħalissa jinsab fir-Renju Unit u ilu żmien ma jersaq lejn il-Parlament

L-organizzazzjoni Repubblika qed tħeġġeġ lill-Pulizija biex tibda l-proċess għal Mandat ta’ Arrest Ewropew kontra l-eks Ministru Konrad Mizzi bil-għan li dan jinġieb Malta u jwieġeb għal akkużi ta' korruzzjoni.

Mizzi mhuwiex Malta tant li ilu żmien twil ma jersaq lejn il-Parlament.

“Wara li tħalla jitlaq minn Malta mingħajr qatt ma nġiegħel iwieġeb għall-evidenza ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus, Konrad Mizzi issa jidher li qed jevita l-ġustizzja billi mar joqgħod fir-Renju Unit. Konrad Mizzi mhux eżonorat milli jwieġeb għal dak li għamel għax irreżenja minn Ministru. Hu akkużat b’abbuż ta’ poter, korruzzjoni, tixħim u ħasil ta’ flus u għad trid issir ġustizzja fuqu,” insistiet Repubblika.

L-istqarrija tfakkar li Mizzi rriżenja minn ministru tal-Gvern ftit wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech għax fi kliemha “sar ċar għal kulħadd li r-rappurtaġġ ta’ Daphne Caruana Galizia u ta’ The Daphne Project dwar ir-relazzjoni bejn Yorgen Fenech u Konrad Mizzi kien korrett.”

Fakkret li l-kumpanija li Mizzi kien fetaħ fil-Panama kellha tirċievi ħlasijiet mill-kumpanija f’Dubai jisimha 17 Black. 17 Black hi ta’ Yorgen Fenech.

“Mhux biżżejjed ir-riżenja ta’ Konrad Mizzi,” saħqet Repubblika. “It-tkaxkir tas-saqajn m’għandu ebda ġustifikazzjoni. Aħna partikolarment imħassbin għax nissusspettaw li hemm xi forma ta’ arranġament bejn Konrad Mizzi u min qed jipproteġih biex l-arrest tiegħu jiġu pospost għal wara li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u possibbilment ma jibqax jiffunzjona hemm il-Mandat t’Arrest Ewropew.”

L-istqarrija ttemm tgħid li jekk il-Gvern veru jrid isewwi r-reputazzjoni ta’ Malta għandu juri li “mhux qed jiggarantixxi impunità għal Konrad Mizzi, għal Keith Schembri u oħrajn bħal Joseph Muscat li għad iridu jagħtu kont t’egħmilhom.”
 

More in Politika