Varat proġett għal parkeġġ komunitarju ġdid viċin il-bajja tal-Għadira

Il-proġett se jsir b’investiment ta’ aktar minn €800,000 mill-iskema eko-kontribuzzjoni tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur

Il-konferenza li saret fl-Għadira
Il-konferenza li saret fl-Għadira

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg u l-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli varaw proġett ġdid li se jsir fl-inħawi tal-bajja tal-Għadira. Il-proġett se jsir b’investiment ta’ aktar minn €800,000 mill-iskema eko-kontribuzzjoni tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u x-xogħlijiet se jiġu implimentati minn Projects Plus Ltd. L-ewwel fażi tal-proġett, li ġiet varata llum, hija parkeġġ ġdid għal dawn l-inħawi.

Il-Ministru Ian Borg qal, “Il-proġetti komunitarji ma jinkludux biss pjazez, ġonna u faċilitajiet fil-qalba tal-ibliet u tal-irħula tagħna. Hawnhekk għandna proġett li se jkun qed joħloq faċilitajiet ġodda u jsebbaħ parti mill-wirt naturali tagħna għal komunità usa’ – il-komunità nazzjonali. Grazzi għal dan il-parkeġġ se nkunu qed innaqqsu l-konġestjoni fl-inħawi minħabba li n-nies se jdumu jduru inqas biex isibu post għall-vetturi tagħhom, filwaqt li se nnaqqsu problemi ta’ parkeġġ doppju u triplu. Bħalma qed nagħmlu fi proġetti oħra ta’ dan it-tip qed naraw li jkun hemm faċilitajiet għall-karozzi elettriċi u għall-muturi, għax il-viżjoni tal-gvern hija inklinata lejn mezzi tat-trasport iżgħar u aktar sostenibbli. Bil-bqija tal-proġett, imbagħad, se nkomplu naraw it-tisbiħ ta’ din iż-żona tant popolari f’pajjiżna.”

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li dan il-proġett se jkun qed itejjeb il-prodott turistiku tagħna filwaqt li se jkun qed iżid drastikament il-parkeġġi f’post iffrekwentat minn ħafna Maltin, Għawdxin u turisti. Dan l-investiment ta’ aktar minn €800,000 ġej mill-industrija tat-turiżmu u se jmur lura tanġibilmemt għall-istess industrija grazzi għall-iskema tal-eko-kontribuzzjoni tal-Ministeru għat-Turiżmu.

Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Ronald Mizzi fakkar kif snin ilu l-gvern kien daħħal l-obbligu li kull turist irid jikkontribwixxi 50 ċenteżmu għal kull lejl li jqatta’ f’pajjiżna li jmur fil-fond li l-għan tiegħu huwa li jiġu investiti lura fil-prodott turistiku. Żied jgħid li jixtieq li jkun hawn aktar għarfien biex l-industrija tat-turiżmu tkompli tapprezza l-għan u l-ħsieb wara dan il-fond.

Il-parkeġġ se jkun qed jinbena minn sit dilapidat u se jkun jesa’ aktar minn 300 vettura. Ix-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġranet li ġejjin u jinkludu tindif tas-sit, xogħol fuq ħitan tas-sejjieħ, sistema għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita li tissepara l-ilma miż-żejt u dawl ġdid, fost xogħol ieħor. Il-bqija tal-proġett se jkun qed jara l-estensjoni tar-ramel b’madwar 20 metru u għal dan Projects Plus diġà kkummissjonat numru ta’ studji ambjentali u ġeoloġiċi. Il-promenade se jkun imsebbaħ u modernizzat ukoll.

More in Politika