Ippubblikati linji gwida għat-taħriġ fil-faċilitajiet sportivi fil-miftuħ

It-taħriġ jista’ jsir fi gruppi ta’ sitta u jista’ jkun magħmul minn ħames atleti u kowċ, jew grupp ta’ sitt atleti

Wara r-rilaxx tal-aħħar miżuri, fil-ġranet li ġejjin se jiftħu numru ta’ faċiliatjiet sportivi ‘outdoor’ ta’ SportMalta u l-atleti se jkunu jistgħu jerġgħu jipprattikaw l-isport tagħhom fil-miftuħ.

Għalhekk ġew ippubblitati l-linji gwida għal dawn il-faċilitajiet:

  • It-taħriġ jista’ jsir fi gruppi ta’ sitta u jista’ jkun magħmul minn ħames atleti u kowċ, jew grupp ta’ sitt atleti.
  • L-atleti għandhom ikunu mbegħdin minimu ta' 3 metri għall-isport kollu ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet fejn id-distanza minima hija ta' 2 metri.
  • L-atleti għandhom jitħarrġu fi gruppi tal-istess 5 jew 6 individwi matul is-sessjonijiet kollha ta' taħriġ tagħhom, u m'għandhomx jaqilbu gruppi għal xi raġuni.
  • Il-kowċis għandhom jitqiesu bħala parti mill-grupp (jekk ikun hemm) u għandhom iżommu distanza ta' 3 metri kif ukoll jilbsu facemask.
  • Mhux permess li tagħmir jissellef minn atleta għal ieħor.
  • In-numru totali ta' persuni permessi fil-post għandu jammonta għal mhux aktar minn persuna waħda (1) għal kull 20 metru kwadru ta' spazju ta' taħriġ użabbli.

“Nappella lill-atleti biex jipprattikaw l-isport fil-limiti tad-direttivi tal-avviż legali u l-linji gwida b’rispett lejn xulxin u tas-soċjetà tagħna, li għalkemm għamlet passi ta’ ġgant fl-aħħar ġimgħat, għadha ma ħarġitx totalment minn dan il-perjodu ta’ sfida,” appella s-Segretarju Parlamentari Clifton Grima.

Għal iktar informazzjoni, l-għaqdiet, assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi għandhom jirreferu għall-linji gwida ppublikati u jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ SportMalta fuq [email protected].

More in Politika