Analiżi | Il-Pandemija u l-Kriżi Finanzjarja fl-Ewropa

Il-kriżi ekonomika, il-qasma ġeografika fl-UE u l-Pjan Marshall.  Il-Professur Carmel Borg u Dr Joe Gravina  -  żewġ letturi fl-Università ta’ Malta li jħarsu lejn fenomeni politiko-soċjali b’lenti interdixxiplinarja - janalizzaw

L-UE daħlet fi kriżi imma se jinqasam il-piż?
L-UE daħlet fi kriżi imma se jinqasam il-piż?

Hekk kif f’inħawi differenti tal-Ewropa bdew l-ewwel attentati biex in-nies jirritornaw għal xi forma ta’ normalità, l-impatt ta’ ekonomija globali kajmana se joħroġ aktar fid-deher.  Bil-mod il-mod nibdew nintebħu xi tfisser li tgħix f’dak li l-Fond Monetarju Internazzjonali qiegħed jiddiskrevih bħala l-akbar saram ekonomiku mid-dipressjoni ekonomika l-kbira tas-seklu għoxrin; dipressjoni li bdiet fl-1929 u baqgħet sejra sa tarf it-tletinijiet.  

L-ekonomiji tal-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Ewropa huma fost l-aktar milquta mill-pandemija.  Il-Greċja, l-Italja, Spanja u l-Portugall, kollha għandhom ekonomiji li jiddependu qatigħ fuq id-dħul mit-turiżmu.  Il-Fond Monetarju Internazzjonali jikkalkula li dan il-grupp ta’ pajjiżi se jara, mill-anqas, tnaqqis ta’ 6% fl-ekonomija.  Dan it-tnaqqis se jwassal għal żieda fid-dejn, hekk kif il-flus qegħdin jintużaw biex il-pajjiżi jiġġieldu l-imxija, itaffu l-impatt ekonomiku tal-pandemija u jistimulaw l-ekonomija.  

Il-Fond Monetarju Internazzjonali qiegħed ibassar li r-rata tad-dejn, meta mqabbla mal-Prodott Domestiku Gross (PDG), se tkun ta 200% tal-PDG għall-Grecja, 150% għall-Italja, u 100% għal Spanja u l-Portugall.  Din l-istatistika ssir aħbar aktar allarmanti meta nintebħu li l-ekonomija taż-żona ewro ċkienet bi 3.8% fl-ewwel kwart tas-sena, u meta naqraw it-twissija ta’ Christine Lagarde, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, li l-ekonomija taż-żona ewro tista’ tiċkien bi tliet darbiet aktar mill-ewwel kwart.   

Minkejja li r-rapport tat-temp ekonomiku qiegħed iħabbar maltemp kbir fl-Ewropa u fiż-żona ewro, fil-kuriduri tal-poter Ewropej tispikka l-qasma ġeografika u n-nuqqas ta’ aptit għas-solidarjetà bejn blokok ta’ pajjiżi differenti, bil-pajjiżi sinjuri tat-tramuntana jinsistu li l-pajjiżi anqas sinjuri tan-Nofisinhar jiffinanzjaw l-irkupru tal-ekonomija (kważi) weħidihom.

Raġunament li ftit li xejn jista’ jinftiehem meta nafu li l-ebda pajjiż sinjur fl-Ewropa ma jista’ jfendi ekonomikament għal rasu, u li kriżi ekonomika profonda fl-Italja, wieħed mill-pajjiżi li qiegħed jinsisti fuq is-solidarjetà finanzjarja Ewropea, tista’, per eżempju, titfa’ l-produzzjoni tal-karozzi fil-Ġermanja fi kriżi, u lis-settur finanzjarju Ġermaniż fi kriżi akbar jekk il-pajjiż ġar tagħna ma jkunx kapaċi jonora l-ħlas tad-dejn kbir li għandu u li għad irid jagħmel. 

Meta wieħed jistudja sew il-kobor tal-isfida, inqisu t-tweġiba Ewropea għall-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija bħala waħda pjuttost fqira.  Mill-€540 biljun, is-somma maqbula bejn il-Ministri tal-Finanzi tal-Unjoni Ewropea u li kienet maħsuba biex tindirizza d-diffikultajiet ta’ dawn iż-żminijiet, €240 biljun jaqgħu taħt il-European Stability Mechanism (ESM).   Filwaqt li dawn il-fondi jistgħu jintużaw mingħajr l-ispag li fil-passat setgħu xekklu l-flessibiltà fl-użu tagħhom, dawn mhumiex fondi ġodda.   

Somma oħra ta’ €200 biljun se tasal f’forma ta’ self mill-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI), bil-pajjiż jiggarantixxu €25 biljun minnhom.   Il-€100 biljun l-oħra se jingħataw permezz ta’ mekkaniżmu magħruf bħala SURE (Support to mitigate Unemployment Risks in an Emergency). Fond li għandu l-għan speċifiku li jrattab id-daqqa tal-qgħad.   Meta wieħed jgħodd, mill-pakkett ta’ €540 biljun isib li l-flus pubbliċi ġodda huma €125 biljun, jew 1% tal-Prodott Domestiku Gross.  

M'hemmx dubju li dan l-aġir se jkompli jaqsam lill-Unjoni u jżid iż-żejt fil-magna tal-populisti u n-narrattiva tagħhom, tal-Unjoni kontra n-nazzjon. Tispikka l-Ideoloġija tas-sovraniżmu nazzjonali u donnhom li l-iskeletri tal-passat mhux daqstant imbiegħed reġgħu tfaċċaw.  

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen u ħdejha Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula Von Der Leyen u ħdejha Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew

L-Isfida tal-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniża fuq il-Bank Ċentrali Ewropew

Sadattant, il-Qorti Kostituzzjonali Ġermaniza sfidat il-politika monetarja tal-Quantitative Easing (QE) ta’ Mario Draghi, deċiż fl-2015, meta kien imexxi l-Bank Ċentrali Ewropew, u sfidat ukoll lill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea li ddikjarat li l-QE, maħsub biex jinjetta l-flus fl-ekonomija u jqanqal l-attività ekonomika permezz ta’ xiri ta’ bonds u assi oħra, hu leġittimu. Il-Qorti Ġermaniza sostniet li l-QE mhux għal kollox kostituzzjonali u kkonkludiet li s-sentenza tal-Qorti Ewropea kienet “inkomprensibbli” u “arbitrarja”.  Il-Qorti Ġermaniża tat tliet xhur lill-Bank Ċentrali Ewropew biex jiċċara l-programm tal-QE.  Speċifikament, irid jiġi ċċarat jekk dan il-programm kienx sproporzjonat.  Il-Qorti trid tkun taf ukoll x’kien l-effett dirett tal-QE qabel il-pandemija. Jekk mhux kostituzzjonali, il-Bundesbank, il-Bank Ċentrali tal-Ġermanja, l-ewwel azzjonist tal-Bank Ċentrali Ewropew, jista’ jinżamm milli jipparteċipa fil-QE u fix-xiri ta’ dejn pubbliku mill-membri taż-żona ewro.  L-attakk huwa frontali kontra l-Qorti tal-Ġustizzja, meqjusa bħala l-unika qorti li tinterpreta u tapplika t-trattati tal-Unjoni Ewropea.

L-isfida prinċipali hija ċara, u bil-kriżi tal-pandemija ma skoprejniex l-Amerka:  kif deċiżjonjiet ta’ politika monetarja fuq livell Ewropew jaffettwaw il-politika ekonomika tal-membri individwalment. Mhux ċar min qiegħed fit-tmun tar-regolamentazzjoni.  Il-punt kardinali huwa jekk il-Bank Ċentrali Ewropew huwiex il-bank li jaġixxi fuq il-membri, u li jista’ jgħin meta membru jkun fi kriżi, u għalhekk ikollu jżid l-infieq biex joħroġ mill-kriżi, jew jekk isaltanx il-prinċipju tal- kompetizzjoni, li jelimina dak tas-solidarjetà jew mutwalizazzjoni ta’ piżijiet, anki fi żmien ta’ kriżi ekonomika bħal din. Żgur li bid-dejn kif strutturat issa, dan se jaqa’ fuq membri li huma anqas b’saħħithom.  

L-għajta għar-ritorn tal-Pjan Marshall huwa ħolm fieragħ u diskors rettoriku. L-ispiża biex l-Ewropa issalva minn riċessjoni indefinita hija ferm akbar minn ta’ żmien Marshall, u l-urġenza ideoloġika u ġeopolitika mhix qiegħda hemm

Il-kliem dwar Pjan Marshall ġdid huwa retorika...

Fid-dell ta’ dan id-diżgwid intern u tilwim legali, u fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi reali li qegħdin ngħixu fihom, bosta huma l-kummentaturi Ewropej li qegħdin isemmu l-bżonn ta’ Pjan Marshall.  Aħna nargumentaw li dawk kienu żminijiet oħra.  Il-Pjan ta’ Marshall żviluppa f’kuntest ta’ Ewropa aktar soċjali, fid-dell ta’ dak li l-Ewropa tal-Punent, bħas-salvatur finanzjarju li pprovda l-manna, qieset bħala l-għadu komuni - il-komuniżmu - u fil-qafas regolatorju ta’ Bretton Woods.  Kien hemm kull interess li l-pjan jirnexxi.  Is-solidarjetà kienet ideoloġika daqskemm kienet ekonomika.  Il-biża ta’ ribelljoni xellugija fil-Punent kienet reali, u l-pjan kellu l-għan li jġib is-sitwazzjoni lura għan-normal kemm jista’ jkun malajr, u l-fwar tar-ribelljoni jiddawwar fl-ilma tal-paċifiżmu soċjali.  

F’mument storiku fejn il-kapitaliżmu huwa eġemoniku, l-aptit għas-solidarjetà internazzjonali naqas, in-nazzjonaliżmu tqawwa, is-solidarjetà tal-ħaddiem tnaqqret u l-opportuniżmu politiku żdied, żgur li l-kundizzjonijiet storiċi huma differenti ħafna minn dawk ta’ Ewropa mfarrka bil-gwerra u mwerwra li l-internazzjonaliżmu aħmar jixxettel u jaħkem.   Għalhekk, l-għajta għar-ritorn tal-Pjan Marshall huwa ħolm fieragħ u diskors rettoriku.  L-ispiża biex l-Ewropa issalva minn riċessjoni indefinita hija ferm akbar minn ta’ żmien Marshall, u l-urġenza ideoloġika u ġeopolitika mhix qiegħda hemm.  

U filwaqt li kulħadd ifittex l-id inviżibbli tas-suq kapitalist sabiex tirkupra xi ekwilibriju fittizju, fl-Ewropa, wara li l-Kunsill tal-Ewropa kien ta tagħlima lil kulħadd fil-mod kif tratta lill-Greċja, se naraw it-tkomplija tal-istess dramm f’att ieħor, fil-mod kif l-aktar pajjiżi milquta qegħdin jiġu stmati u ttrattati.  Id-differenzi bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar ħarġu fil-beraħ: il-FANG (Fillandja,Awstrija, Nederlands, Ġermanja) kontra l-PIGS (Portugall, Italja, Grecja, Spanja). Spanja pproponiet il-mutwalizazzjoni tad-dejn imma l-Unjoni mmexxija mill-Ġermanja u l-alleati tagħha ma tifhimx is-sitwazzjoni hekk. Għax kif stqarret il-Qorti Ġermaniża, meta taġevola dejn pubbliku tkun qed tmur kontra l-investituri privati u l-profitt tagħhom attwali u tal-futur!

More in Politika