'Ir-ristoranti u l-hairdressers se jiftħu sal-aħħar tal-ġimgħa' - PM

Abela saħaq li dawn l-istabbilmenti se jkunu qed jinfetħu taħt 'normal ġdid' u l-pubbliku se jkun imħeġġeġ jużahom

Il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li sal-aħħar tal-ġimgħa, ir-ristoranti u l-hairdressers se jkunu qed jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom hekk kif wasal iż-żmien biex ikunu rrilaxxati aktar miżuri.

Anke jekk ma qalx meta, hu mifhum li aktar tard din il-ġimgħa, il-Gvern se jkun qed iħabbar tnaqqis ta' aktar restrizzjonijiet waqt li insista li dawn in-negozji jridu jidraw għal "normal ġdid."

Abela kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista fejn saħaq li regoli ġodda se jkunu qed jissiguraw li l-istandards tas-saħħa jibqgħu jkunu rrispettati waqt li l-istess stabbilimenti se jkunu qed joperaw taħt "regolamenti ġodda."

Il-Mexxej Laburista qal ukoll kif il-pubbliku se jkun imħeġġeġ juża dawn l-istabbilimenti waqt li insista li l-Gvern ma jridx jibgħat messaġġi konfliġenti, fejn filli qed jinfetħu l-ħwienet u fl-istess ħin il-pubbliku jkun imħeġġeġ jibqa' d-dar.

"Ma nistgħux inħallu lil kulħadd imsakkar id-dar, meta x-xjenza qed tissuġġerixxi mod ieħor," saħaq Abela waqt li insista li mhuwiex minnu li l-pajjiż qed jesperjenza t-tieni mewġa u dan wara li l-każi fl-aħħar jiem kienu ogħla minn dawk tal-aħħar ġimgħat.

'L-isptar pre-fabricated mhux se jsir'

Intant, il-Prim Ministru ħabbar ukoll li fuq pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa, l-isptar pre-fabricated, li kellu jsir ħdejn Mater Dei, mhux se jinxtara.

Insista li d-deċiżjonijiet futuri se jkunu bbażati fuq tliet fatturi, jiġifieri d-distanza soċjali li għandha tibqa' rrispettata, is-sigurtà tal-anzjani u l-protezzjoni tal-vulnerabbli.

More in Politika