'It-turiżmu intern mhuwiex soluzzjoni għal ajruport magħluq, lanqas qatra f'oċean'

L-ajruport se jiftaħ jew le?  Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA ifakkar li din deċiżjoni tal-Gvern għalkemm jisħaq illi t-turiżmu intern mhu bl-ebda mod soluzzjoni għall-kriżi f'din l-industrija.  Jgħid ukoll illi se jkun hemm dawk li n-negozju tagħhom se jikkrolla

"It-turiżmu intern mhuwiex soluzzjoni għal ajruport magħluq, lanqas biss huwa qatra f'oċean."  Hekk sostna l-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) Andrew Agius Muscat għall-mistoqsijiet dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-Ajruport Internazzjonali ta' Malta u allura l-bidu mill-ġdid ta' xi forma ta' attività turistika, f'pajjiż li jiddependi ħafna mit-turiżmu. 

Agius Muscat ikkonferma li għaddejjin diskussjonijiet dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-ajruport imma fakkar illi fl-aħħar mill-aħħar din hija deċiżjoni li jeħtieġ jieħu l-Gvern.

"Ma nistax ngħidlek jiena hux se jinfetaħ il-ġimgħa d-dieħla jew sitt xhur oħra. Aħna qed nagħmlu l-argument ekonomiku -  filwaqt li nifhmu u nirrispettaw l-argument li jitratta s-saħħa -  li l-ajruport huwa kruċjali għall-ekonomija.  Issa kif se jiftaħ l-ajruport irid jara l-Gvern, dan m'għandux jiftaħ l-ajruport kollu f'daqqa," ifakkar Agius Muscat. 

Fil-fatt lanqas l-għeluq tal-airport ma kien f'daqqa bil-Gvern iħabbar l-għeluq ta' vjaġġar lejn gruppi ta' pajjiżi, qabel ħabbar l-għeluq ta' pajjiżi oħrajn b'mod komplet.

Il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA iżda jiċċara li mhix soluzzjoni li b'xi mod niddependu mit-turiżmu intern.  "Anke fl-aqwa tat-turiżmu meta kellna 2.6 miljun qed jiġu pajjiżna kien hawn il-kompetizzjoni, aħseb u ara jekk tagħlaq il-vit," saħaq Agius Muscat.  Għalkemm ammetta li jista' jkun hemm lukandi li jmorru tajjeb b'dan - turiżmu ntern xorta ma jibqax xi forma ta' soluzzjoni. 

Importanti wieħed jinnota wkoll wkoll illi it-turiżmu intern jiddependi wkoll fuq il-flus fl-idejn u l-burdata tal-Maltin, li bħalissa mhumiex fl-aqwa tagħhom.

'L-impatt fuq l-ekonomija allura huwa kbir ħafna'

Il-gazzetta ILLUM tistaqsi fejn qegħdin illum u l-operaturi x'qed jaraw għaż-żmien li ġej.

Huwa jfakkar li n-nies fit-turiżmu jinsabu fuq quddiem nett ta' din l-isfida u magħhom jingħaqdu eluf, "għax jekk it-turiżmu jmur ħażin, se jmur ħażin is-sajjied, il-bidwi, tar-ristorant ... it-turiżmu kien qed jiġġenera 2.6 miljun persuna li issa niżlu għal żero.  L-impatt fuq l-ekonomija allura huwa kbir ħafna."

Agius Muscat qal illi meta saru diskussjonijiet dwar il-miżuri ta' għajnuna  - fosthom is-suppliment tal-pagi - konna qed naraw illi l-pandemija tkun għaddiet u f'Mejju kollox ikun ġie għan-normal.  

"Sfortunatament naħseb illi dan it-tbassir kien pożittiv.  Fejn qabel konna naħsbu ħa jgħaddi kollox sas-Sajf, qed ninduaw li kellna żball. Illum qed inħarsu lejn is-sena d-dieħla," jgħid Agius Muscat. 

Imma l-operaturi u l-ħwienet jifilħu jagħmlu xhur magħluqin?

Agius Muscat huwa skjett u jfakkar illi kull negozju qiegħed hemm biex jonfoq u jinvesti  - u allura joħroġ il-flus - biex imbagħad idaħħal u jifdallu l-profitt. 

"Il-Gvern bħalissa qed jara kif kollox jimxi b'xi mod imma nafu li mhux kulħadd se jiflaħ jibqa' bla dħul u jikkrolla għax ma jkunx jiflaħ aktar."

"Irridu nilħqu kompromess bejn l-argument ta' saħħa u l-argument ekonomiku."

Intant din il-ġimgħa bdew ħerġin l-ewwel ċifri li juru t-tnaqqis drastiku fit-turiżmu matul ix-xahar ta' Marzu.  B'kollox it-tnaqqis meta kkumparat mal-istess xahar is-sena l-oħra kien ta' 56.5%.  It-tnaqqis fl-ispiża kienet ftit inqas minn 63%.

More in Politika