Intervista | ‘Hemm negozji magħluqa li qed iħallsu eluf f’kera fix-xahar’

Għaddiet l-ewwel ġimgħa minn meta l-ħwienet fetħu l-bibien tagħhom. Kif sejrin? Qabad in-negozju? Qed ilaħħqu mal-kera? X’seta’ sar aktar? L-ILLUM titkellem ma’ Abigail Mamo, il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji 

Din il-ġimgħa għadd ta’ ħwienet u stabbilimenti reġgħu fetħu l-bibien tagħhom. Kif kien l-andament matul din il-ġimgħa? Kien hemm bejgħ? Kien hemm ħwienet li xorta waħda għażlu li ma jiħdux riskju u jibqgħu magħluqa?

Id-deċiżjoni li jinfetħu ċerti ħwienet intlaqgħet tajjeb ħafna u aħna bħala rappreżentanti konnha wkoll konsultati dwar id-deċiżjoni. Il-maġġoranza ta’ dawk li ngħataw permess jiftħu, jidher li fetħu u mir-reazzjonijiet li qed nirċievu b’mod ġenerali ntlaqgħet tajjeb ħafna,  minħabba li s-sidien tan-negozji jafu li  minn x’imkien iridu jibdew, u b’hekk reġgħet bdiet ir-rutina ftit ftit. Il-membri naturalment rrappurtaw li waqt li beda jirranka l-bejgħ, xorta waħda bl-ebda mod il-bejgħ mhu qrib dak li kien hemm qabel ingħalqu n-negozji. Din kienet ġimgħa ta’ ħafna aġġustamenti, bi żmien qasir ta’ avviż u sibna ċertu diffikultajiet ta’ pjanar kemm għas-sidien tan-negozji, kif ukoll għal ċertu ħaddiema li kienu ppjanati li jibqgħu id-dar bħal ġimgħat ta’ qabel u ma setgħux jaddattaw daqshekk malajr. B’hekk issa li għaddiet l-ewwel ġimgħa, qed jindraw is-sistemi l-ġodda kemm għas-sidien tan-negozji kif ukoll għal konsumaturi li kienet xi ħaġa totalment ġdida għalihom ukoll. Aħna nkomplu nappella il-membri biex kif diġà għamlu, jkomplu josservaw id-direttivi b’mod assolut u li l-klijenti ma’ jitħallewx jidħlu mingħajr maskri jew mingħajr ma jagħmlu hand sanitizers.

Jekk il-bejgħ xorta waħda se jibqa’ baxx, jew saħanistra jkollok ħwienet li xorta waħda ma jbiegħux, jagħmel sens li dawn jibqgħu miftuħa? Mhux aktar se jiżdiedu l-ispejjeż għall-istess negozji?

Aħna qed naraw sitwazzjoni fejn l-affarijiet jibdew jitjiebu, jekk in-negozji jibqgħu magħluqin mhux se jkun hemm bejgħ, allura ma naraw l-ebda raġuni għaliex għandu jkun hemm negozji li jistgħu jiftħu u jibqgħu magħluqin, dan huwa żmien diffiċli imma rridu nħarsu ‘l quddiem u minn x’imkien irridu nerġgħu nibdew, aktar ma ndumu ma nibdew in-negozju, aktar indumu biex nirkupraw mill-effetti tal-covid ekonomikament.

Bħala Kamra, kif qed tassiguraw li n-negozji jimxu mal-appelli tal-Gvern. Taħseb li l-Gvern kellu jipprovdi hu l-maskri u s-sanitisers lin-negozji li ngħataw permess jiftħu?

L-ikbar problema għall-ftuħ mill-ġdid tan-negozji kienet iż-żmien għall-preparazzjoni għax kien qasir ħafna, iżda s-sitwazzjoni jidher li ġiet taħt kontroll mill-ewwel bil-klijenti mill-ewwel bdew imorru huma bil-maskri. Fl-ewwel ġranet kien hemm stabbilimenti li rnexxielhom jipprovdu maskri lill-konsumaturi li ma kellhomx.

Din il-ġimgħa qamet kwistjoni dwar il-prezzijiet tal-maskri u l-visors. Intom għidtlu li l-Gvern ħa lill-pajjiż 50 sena lura meta ffissa l-prezzijiet. Ma taħsibx li hawn ħaristu biss l-interessi tan-negozji u nsejtu lil dawk il-persuni li issa żdiditilhom spiża oħra?

Il-Mudell kif intuża u kif ġiet implimentata kien wieħed li ma naqblux miegħu u l-aħħar li ntuża dan il-metodu kien 50 sena ilu kif spjegajna fl-istqarrija. Wara twaqqaf il-bejgħ tal-maskri u bdejna d-diskussjonijiet mal-Gvern, fi ftit siegħat wasalna għall-istess riżultat b’sistema li aktar tagħmel sens, filfatt  l-interess tan-negozju ħarisnih biex ma joħroġ flus minn ġewwa sid in-negozji u l-Gvern ra d-dokumenti u qabel li joħroġ id-differenza tal-prezz.

X’inhuma x-xenarji għan-negozji li l-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji qed tbassar għall-bqija ta’ din is-sena? Se naraw titjieb?

It-tbassir li qed isir li l-ekonomija mhux se tikber kif konnha mdorrijin u se tmur lura b’mod sinifikanti, iżda li se jibda jinfetaħ is-suq domestiku huwa xi ħaġa pożittiva u se nibdew naraw tibdil żgħir u allura kull progress f’dan l-istadju huwa punt pożittiv għal dan.

Jekk ikun hemm sitwazzjoni fejn dawn il-ħwienet ikollhom jerġgħu jagħlqu, jew inkella din is-sitwazzjoni ttul, xi mpatt taħseb li dan se jkollu fuq in-negozji?

Bħal ma wieħed jieħu gost li n-negozji qed jiftħu, tkun sfortuna jekk ikollhom jerġgħu jagħlqu, pero n-negozji dejjem imxew mal-ordni tas-saħħa pubblika u jekk ikun hemm bżonn se jiġri hekk. L-impatt fuq in-negozji u l-ħaddiema ġa kien negattiv, jekk se nerġgħu nagħlqu se jkollna tul ta’ żmien itwal biex ikollna forma ta’ irkupru.

Tafu b’negozju li din is-sitwazzjoni diġà waslithom biex jagħlqu għal kollox il-bibien tagħhom?

Minn stħarriġ li għamilna ftit tal-ġimgħat ilu, s’issa nafu b’negozji li kienu diġà f’riskju li jieħdu din id-deċiżjoni, il-messaġġ tagħna kien biex jistennew kemm jistgħu qabel ma jieħdu deċiżjonijiet iebsa bħal dawk li jitkeċċew il-ħaddiema jew saħansitra jagħlqu n-negozju, allura jidher li n-negozji li kienu f’diffikultà kbira ssaportew ftit u bdew jieħdu n-nifs meta tħabbru l-iskemi tal-Gvern. 

Kien hemm stabbilimenti li ilhom ħafna aktar sejrin ħażin. Negozji fil-Belt Valletta rreġistraw tnaqqas fil-bejgħ fl-aħħar xhur tas-sena li għaddiet minħabba l-kwistjonijiet politiċi li qamu fil-pajjiż u issa kellhom jagħlqu l-bibien tagħhom minħabba l-pandemija. Dawn in-negozji kif qed iħarsu lejn il-futur tagħhom?

Ovjament mhux sitwazzjoni faċli bħalissa u l-futur huwa inċert għax m’għandnix timeframes u meta l-affarijiet se jmorru għan-normal, fost oħrajn f’settur importanti bħat-turiżmu. Imma bħalissa kulħadd qed jinvesti ħinu biex jara kif jista’ jaddatta għall-isfidi tal-Covid u l-bidliet li se ġġib magħha.

It-toroq vojta tal-Belt Valletta
It-toroq vojta tal-Belt Valletta

Hemm ukoll il-problema tal-kirjiet. Ċert li ġaladarba diversi negozji ilhom ġimgħat bla dħul, dawn qed isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-kera tal-ħanut. X’qed isir biex ikunu mgħejjuna dawn in-negozji? Tafu b’negozji li kellhom litteralment iżarmaw minħabba din is-sitwazzjoni? Għandu jkun hemm moratorju fuq il-prezz tal-kera għan-negozji?

Hemm kwistjonijiet relatati mal-kirjiet u ċertu nkwiet li l-membri qassmu magħna. Dawn ivarjaw, hemm sidien tal-kera li qed jifhmu s-sitwazzjoni u jikkoperaw u hemm min qed jifhem is-sitwazzjoni ħażina tan-negozju ferm inqas u allura jitlob l-istess ammont tal-kera, li f’ċerti każi tlaħħaq l-eluf fix-xahar, minkejja li n-negozju jinsab magħluq u mhu jagħmel l-ebda bejgħ. Huwa pożittiv li l-gvern irrikonoxxa li minkejja li l-ħwienet fetħu, l-irkupru huwa bil-mod hafna u b’dan il-mod irridu nħarsu lejn din is-sitwazzjoni. Nifhmu li kulħadd għandu l-obbligazzjonijiet tiegħu, iżda s-sitwazzjoni għanda kuntest speċjali ħafna.

Bħala Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji kontu qed tippretendu li jinfetħu xi negozji oħra apparti dawk li nfetħu nhar it-Tnejn li għadda?

Kien pass pożittiv, dawn il-ġimgħatejn li ġejjin huma kritiċi u mportanti biex nimxu pass ‘l quddiem u konnha konsultati u qbilna mad-deċiżjoni li jinfetħu. Jekk kollox imur sew, naslu wkoll għall-ftuħ ta’ negozji oħra.

Jekk hemm miżura waħda li baqgħet ma daħlitx fis-seħħ u li l-Kamra taħseb li kienet tgħin ħafna aktar lin-negozji u l-ħaddiema tagħhom, din xi tkun?

Waħda mill-proposti ewlenin tagħna kienet li l-għajnuna relatata mal-impjegati tiġi estiża għas-setturi kollha li għandhom bżonn mingħajr ebda diskriminazzjoni. Proponejna wkoll li  tiċċaqlaq il-kirja relatata mal-Gvern, li jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u li jitnaqqsu l-interessi tal-banek u l-ħlasijiet ta’ tranżazzjonijiet online.

Minn mistoqsijiet li għamlet il-gazzetta ILLUM jirriżulta li kien hemm madwar 140 talba minn kumpaniji jew negozji li ma felħux iħallsu €400 fuq it-€800 li l-Gvern qed jiggarantixxi għal kull impjegat. X’inhi r-reazzjoni tagħkom dwar dan? Taħseb li n-negozji refgħu biżżejjed piż?

Minn informazzjoni li għandna, il-maġġorparti tan-negozji qegħdin imorru oltre minn dak it-top up ta’ 400, ovvjament hemm negozji li raw sa fejn tista’ twassalhom il-likwidità tagħhom u bħalissa l-importanza hi li l-ħaddiema u li n-negozju ma’ jispiċċax jerfa’ piżijiet finanzjarji aktar milli jiflaħ b’konsegwenza li jagħlaq u jintilfu l-impjiegi.

More in Politika