F'Jum l-Omm, l-appell tal-Professur Charmaine Gauci kien wieħed u ċar: "L-isbaħ rigal li tistgħu tagħtu lill-ommijiet tagħhom, hija s-saħħa."
Waqt il-bulettin mediku ta' kuljum, il-Professur Gauci, filwaqt li awgurat Jum l-Omm mill-isbaħ lill-ommijiet kollha, appellat biex wieħed jevita li jkollu kuntatt ma' ħafna persuni.
"Bħala omm nifhem li tkun trid tħaddan miegħek lil uliedek, iżda ninsabu f'sitwazzjoni fejn Jum l-Omm, din is-sena se jkun differenti," saħqet Gauci.
Appellat biex wieħed jibqa' jipproteġi lill-anzjani u lill-persuni vulnerabbli. Kien hawn li saħqet li l-akbar rigal li wieħed jista' jagħti lil dawn l-ommijiet illum hija s-saħħa.