L-Isqof Mario Grech jippreżenta €50,000 lill-Ministeru għas-Saħħa

Dan bil-għan li jinxtara ventilator għall-pazjenti bil-COVID-19

L-Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Għawdex, l-Isqof Mario Grech ippreżenta s-somma ta’ €50,000 lill-Ministeru għas-Saħħa biex ikun jixtara ventilator għall-pazjenti bil-COVID-19.

Kien fi żmien ir-Randan, li l-Isqof Grech għamel dan l-appell biex jintxtara ventilator biex jingħata lill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Il-parti l-kbira ta’ din is-somma ħarġuha l-qassisin Għawdxin. 

Fl-ittra tiegħu lill-Onorevoli Ministru, l-Isqof Grech kiteb hekk: 

“Qed ngħaddi s-somma ta’ €50,000 li l-Knisja f’Għawdex għoġobha toffri biex tirreċiproka sejħa li jien għamilt biex jiġi megħjun l-isforz nobbli kontra l-pnademija tal-Covid-19 mill-Ministeru għas-Saħħa. Parti mhux żgħira minn din is-somma huwa s-sehem li offrejna aħna l- qassisin. 

Kienet l-intenzjoni tiegħi li jinġabru fondi biex jinxtara ventilator li jassisti fil-kura tal- pazjenti li l-aktar jintlaqtu ħażin mill-virus, preferibbilment dawk minn Għawdex. Konvint li l-Ministeru għas-Saħħa se jagħmel l-aħjar użu minn dawn il-fondi, kif jidhirlu xieraq. 

Filwaqt li f’isem il-Knisja f’Għawdex irrodd ħajr lilek u lill-kollaboraturi tiegħek għas- servizz li qegħdin tagħtuna, bl-interċessjoni tal-Madonna Ta’ Pinu nitlob il-barka ta’ Alla fuqkom”. 

Is-somma kollha li nġabret kienet €60,230. Dak li fadal wara li saret l-għotja ta’ €50,000 ser jgħaddi lill-Uffiċċju tad-Djakonija tad-Djoċesi ta’ Għawdex ikun jista’ jkompli jwieżen lil dawk li minħabba din il-pandemija għandhom diffikultajiet finanzjarji. 

Il-kont bankarju “COVID 19” ser jibqa’ miftuħ għal min jixtieq jagħmel donazzjonijiet ta’ karità u hekk jgħin lill-Uffiċċju tad-Djakonija tad-Djoċesi ta’ Għawdex ikompli jifrex l- għajnuna f’dawn iż-żminijiet partikulari. 

Isem tal-kont: COVID 19
Numru tal-kont: 35452320032
IBAN: MT91APSB77013000000035452320032 Swift Code: APSBMTMT 

Id-donazzjonijiet jistgħu jsiru wkoll fuq il-linji tat-telefon: 

51502095 – €5 51602017 – €10 51002021 – €20 51902087 – €50 

More in Politika