Birdlife tiftaħ proċeduri kontra l-PM biex il-kaċċa ma tibqax taħt il-Ministeru ta' Għawdex

Il-Prim Ministru kien poġġa l-kaċċa, għall-ewwel darba, taħt ir-responsabilità tal-Ministru ta' Għawdex minflok taħt dak tal-Ambjent

Mark Sultana dalgħodu quddiem il-Qorti
Mark Sultana dalgħodu quddiem il-Qorti

Dalgħodu l-għaqda ambjentali Birdlife fetħet proċeduri fil-Qorti kontra l-Prim Ministru Robert Abela  għall-fatt li l-liġi tal-għasafar  - li suppost taqa' taħt il-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia tpoġġiet taħt ir-responsabilità tal-Ministru ta' Għawdex, li jfakkru illi huwa kaċċatur.

Il-Kap Eżekuttuiv ta' Birdlife Malta Mark Sultana qal illi din id-deċiżjoni ma tagħmilx sens, ħlief politikament. Huwa spjega għalhekk kif Birdlife Malta qed titlob lill-Qorti tevalwa jekk kien hemm hemm ksur ta' din  il-liġi, biex imbagħad il-liġi tal-għasafar terġa tiġi taħt il-Ministru tal-Ambent kif dejjem kienet u dak kollu li ddeċieda l-Ministru ta' Għawdex Clint Camilleri jitqies bħala ultra vires, jiġifieri azzjoni lilhinn mill-poter li għandu bħala Ministru. 

L-għaqda qed titlob allura illi anke l-liċenzji li ħarġu din ir-Rebbiegħa jitqiesu bħala nulli. 

L-għaqda diġa' talbet investigazzjoni mill-Pulizija, bl-Assistent Kummissarju tal-Pulizija jgħid illi l-Korp ma jistax jiddeċiedi dwar din il-materja għax tmur lilhinn mill-kompetenza tiegħu. 

Intant dwar l-istaġun tal-kaċċa ta' din is-sena Sultana qal illi dan "huwa l-agħar staġun li qatt kellna.  Mhux biss kellna numru rekord ta' għasafar protetti li nqatlu, imma anke eluf ta' gamiem.  Fl-aħħar 20 jum inqatlu 44 għasfur protett, it-triplu tas-sena l-oħra meta nqatlu 12.  Fl-2018 u l-2017 kellna 18 u 15 rispettivament  - li jfisser illi fl-2020 inqatlu kważi daqs tliet staġuni f'daqqa."

 

More in Politika