Robert Abela bla honeymoon ... 100 jum ta' sfidi kbar

... il-pandemija Covid-19 li ġabet l-ekonomija dinjija għarkopptejha ma setgħetx kienet sfond aktar diffiċli u ta' sfida għall-ewwel 100 jum tal-PM Robert Abela.  L-ILLUM tistaqsi ...

Robert Abela, fil-Belt Valletta
Robert Abela, fil-Belt Valletta

Għaddew 100 jum minn meta Robert Abela sar Prim Ministru, 100 jum li żgur illi ħadd - lanqas Abela nnifsu - ma stenna li se jkunu daqstant ta' sfida. Il-pajjiż, propju f'dan il-100 jum, għaddej minn perjodu ekonomiku ħażin ħafna u bla preċedent fl-istorja ekonomika moderna, minħabba t-tixrid tal-Covid-19.  Pajjiżna qatt ma kellu eluf ta' ħwienet magħluqin, ħaddiema d-dar fuq il-benefiċċju tal-qgħad u turiżmu kompletament wieqaf. Din hija probabilment l-akbar sfida li se jkun iffaċċja Abela, mhux biss f'dawn il-100 jum imma fil-leġiżlatura kollha.

Bl-immigrazzjoni, il-kostruzzjoni, l-ekonomija u l-pandemija, x'inhu l-ġudizzju ta' numru ta' preżentaturi u opinjonisti dwar l-ewwel 100 jum ta' Abela?  L-ILLUM titkellem ma' Mark Camilleri, Manuel Micallef, Alison Zerafa Civelli, Fr Joe Borg u Andrew Azzopardi. 

'Ma nemminx li Robert fehem ...' - Mark Camilleri

"Jien xtaqt Mexxej li għandu viżjoni globali u huwa ta' statura intelletwali għax kont naf li ġejja kriżi ekonomika kbira, għalkemm ma kontx naf li din ser tiġi aċċellerata b'pandemija.

Is-sinjali li kien ġej it-taqlib kien jidher ċar daqs il-kristall minn April tas-sena l-oħra. 

Ma naħsibx li Robert Abela qed jifhem il-kumplessitajiet ta' minn xiex għaddejjin minnu bħalissa, politikament u ekonomikament. 

Biex inkun ġust imma, naħseb li l-maġġoranza tal-mexxejja Ewropej inkluż il-Bankijiet Ċentrali m'għandhomx l-iċken idea ta' x'inhuma jagħmlu, wkoll. Jiddispjaċini nitkellem hekk, imma sinċerament ma tantx għadni ottimist għall-pajjiżi Ewropej għaż-żmien qarib." 

'Robert huwa mexxej oriġinali mhu kopja jew lunga mano ta' ħadd' - Manuel Micallef

"Jgħidu li l-poplu jeleġġi l-gvern li jixraqlu. Jien ngħid ukoll li l-poplu jagħżel lill-Prim Ministru li jkollu bżonn. Robert Abela mhux eċċezzjoni. Dan huwa l-Prim Ministru li Malta għandha bżonn illum u fis-snin li ġejjin. L-ewwel 100 jum tiegħu fuq is-siġġu ta’ Kastilja diġa wrew kemm dan huwa minnu.

Minn meta nħatar, il-Prim Ministru Abela ma kellux iċ-ċans li jdewwaqna fil-prattika aspetti tal-viżjoni tiegħu kif ipproġettaha matul il-kampanja tiegħu ghall-ħatra ta’ Mexxej Laburista. Ma setax jagħmel dan għax hekk iddettaw iċ-ċirkostanzi straordinarji fid-dinja u fil-pajjiż. Iżda l-Prim Ministru dewwaqna l-ħiliet kbar li għandu biex imexxi lil pajjiżna. 

Mhux xi haġa komuni li lbieraħ tkun backbencher fil-Parlament u llum ssib ruħek fuq l-iktar siġġu jaħraq li għandu l-pajjiż – dak ta’ Prim Ministru. F’Robert Abela din kienet xi ħaġa kważi naturali. Daqslikieku kien “seasoned politician” b’kapaċitajiet kbar ta’ tmexxija. L-ewwel ma għamel saħaq fuq il-bżonn tal-għaqda. Għalhekk għaqqad lill-Partit warajh u assigura li jkollu kabinett magħqud u b’saħħtu.

Dan il-messaġġ ta’ għaqda estendih fuq bażi nazzjonali u fi żmien relattivament qasir irnexxielu jwassal dan il-messaġġ tant li kull sondaġġ li sar dejjem wera li l-Prim Ministru għandu l-fiduċja qawwija tal-maġġoranza tal-poplu.

Minn kmieni beda jieħu deċiżjonijiet li juru li fejn tidħol serjetà, integrità u governanza m’għandux kompromessi. Għamel dan fuq livell ta’ partit, fl-għażla tal-kabinett, kif ittratta kwistjonijiet bħal tal-kostruzzjoni, tal-Magħtab, tal-immigrazzjoni u fuq kollox l-pandemija tal-Covid-19. Diġa' wera' li huwa kapaċi jieħu deċiżjonijiet iebsin, anke jekk mhux popolari, imma fl-aqwa interess tal-poplu u l-pajjiż.

Għalkemm il-paraguni huma odjużi, ma kienx faċli li jimla' l-post battal tal-predeċessur tiegħu. Iżda Robert Abela wiegħed kontinwità biex ikompli jibni fuq it-tajjeb li sab u fl-istess waqt diġa' beda jieħu passi fuq setturi li kellhom bżonn spinta bħalma huma l-qasam tal-ġustizzja, tal-ħatriet pubbliċi, tal-pulizija, governanza u ambjent. 

Fi tliet xhur diġa' irnexxielu jħalli t-timbru tiegħu. Huwa purament Leaderpolitiku oriġinali. La huwa kopja u lanqas lunga mano ta’ xi ħadd. Huwa l-Prim Ministru li jixraq lil pajjiżna u li l-poplu Malti għandu bżonn!"

"Ħa deċiżjonijiet importanti u oħrajn goffi"-Andrew Azzopardi

Il-Prim Ministru l-ġdid daħal għal din il-biċċa xogħol b’ ruħu u b’ġismu meta kien diġa' jaf li għandu ħafna trufijiet u problemi x’ jindirizza, kemm fuq livell ta’ partit kif ukoll ta’ pajjiż.  

Li tidħol fiż-żarbun ta’ Joseph Muscat ma kienx faċli l-anqas. Il-klima politika li wiret kellha problemi kbar    - speċjalment mil-lat ta’ governanza - apparti l-inkjesti u l-kawżi marbutin mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.  Jidher li dan kollu ġie kemmxejn pospost minħabba li sab quddiemu żewġ problemi massivi oħra, jiġifieri dik tal-immigrazzjoni u dik tal-pandemija Covid-19.  

L-analiżi tiegħi hija li Robert Abela irnexxilu jagħmel deċiżjonijet importanti, per eżempju, fl-għażla tal-Kabinett u fil-ħatriet ta’ numru ta’ ufficjali pubbliċi.  Sinjal pożittiv ieħor kien meta wara l-mewt ta’ Miriam Pace ġew imressqa nies il-Qorti - f’ħin rekord - meta f'każijiet oħrajn li fihom waqgħu d-djar donnu 'ħadd ma kellu tort' u kollox baqa’ għaddej kif kien.  

Irrid ngħid li ħa ukoll decizjonijiet illi jidhru kemm xejn drakonjani dwar l-immigrazzjoni, l-Air Malta u dwar il-kaċċa fi żmien il-Covid-19.  Jidher madankollu li l-poplu aċċettah, minn dak li qed jindikawlna s-sondaġġi. 

Dawk li kienu jaħsbu li m'hemmx ħajja wara Joseph Muscat qalbhom imtliet b’Robert Abela anke għax hu differenti ħafna fl-istil imma għandu ħafna ingredjenti li jwaħħduh mal-viżjoni poilitika ta’ qablu. 

L-istil tiegħu ta’ kif jitkellem, jipprova jagħmel konverżazzjoni man-nies meta jkun fuq il-podium tidher qed tinżel tajjeb man-nies. Kif qed tinżel tajjeb ukoll l-abilita’ tiegħu li jissimplifika argumenti u kwistjonijiet  kumplessi. 

Naturalment fix-xhur li ġejjin ha jerġa' jsib ma' wiċċu kwistjonijiet kumplessi li tħallew fuq l-ixkaffa termporanjament, bħal-legalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu rikreattiv, il-proposti tal-Kummissjoni Venezja u s-suġġerimenti għar-rifromi, prinċipalment ir-riforma Kostituzzjonali, ir-riforma fil-Korp tal-Pulizija u l-arranġament permanenti dwar l-immigrazzjoni rregolari, fost oħrajn.

'Baqa' viċin in-nies u tan-nies.  Hekk wiegħed u hekk qed jagħmel' - Alison Zerafa Civelli

“100 jum biss għaddew minn meta Robert Abela ħa t-tmexxija ta’ pajjizna?” - Din kienet ir-reazzjoni tiegħi hekk kif iċċelebrajna l-100 jum ta’ Robert Abela bħala l-Prim Ministru tal-pajjiż.  Iffaċċja ħafna sfidi bla preċedent fi zmien qasir.  Kellu jieħu ħafna deċiżjonjiiet importanti li nemmen illi kabbruh bħala politiku u ġabuh wiċċ imb wiċċ ma’ realtajiet ġodda.  

Mhux kull Prim Ministru jiffaċċja daqstant sfidi u sitwazzjonijiet diffiċli f’100 jum biss!  Minkejja dan, Robert Abela qed juri li Malta hija mmexxija minn Prim Ministru ieħor ta’ livell għoli u li jagħmel unur lil Malta.  It-tmexxija ta’ Robert Abela flimkien mal-Kabinett tiegħu diġa' serviet ta’ eżempju għall-pajjizi ferm akbar minna.

Baqa' viċin in-nies u tan-nies.  Hekk wiegħed u hekk qed jagħmel.  Robert huwa l-Prim Ministru tal-poplu kollu.  Qed jurina li l-pajjiż kellu bżonnu f’dawn iż-żminijiet partikolari u straordinarji.  Huwa l-Prim Ministru tal-kontinwità – it-tajjeb jgħidlu tajjeb u jkompli jtejbu, Il-ħażin jammettih u jaħdem sabiex jirranġaħ.  Jogħġobni wkoll l-istil tal-komunikattiv tiegħu; ċar fi kliemu, jitkellem bil-lingwa tal-poplu, dirett u skjett.  Id-deċiżjonijet jeħodhom bl-aktar mod għaqli.  Għandu valuri u principji sodi.  Kuraġġuż u jittrażmetti serħan tal-moħħ u trankwillità.

"Is-suċċess ta' Abela se jiddependi minn kif imexxi l-ekonomija mid-daqqa kbira li se tieħu mill-pandemija" - Fr Joe Borg

"Probabbli dawn kienu l-aktar 'l-ewwel mitt jum’ diffiċli li qatt kellu Prim Ministru. Huwa laħaq ġie ffaċċjat bil-kriżi politika, iżda mbagħad tfaċċat il-kriżi tal-pandemija.

 Abela għamel sew li ħeles lill-pajjż minn ċerti individwi; tajjeb li ntlaħaq ftehim mal-Oppożizzjoni dwar il-Prim Imħallef,  u sew li jipprova jpoġġi fil-prattika r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja. 

 Żbalja meta qed jirrifjuta li jsalva immigranti li jkunu fiż-żona ta' Malta. It-tobba u l-careworkers Maltin qalu pubblikament li l-coronvirus mhux raġuni valida biex ma jagħmilx dan. 

 Il-pakketti ekonomici li qed jagħti l-Gvern bħalissa qed jgħinu ħafna biex jittaffa l-impatt massiv li ġabet il-pandemija. 

 Abela għandu juri aktar impenn biex jiddefendi l-media mit-theddida ta' azzjonijiet SLAPP u importanti li l-irwol tas-soċjeta ċivili jkun dejjem rikonoxxut aktar.

 Is-suċċess jew le tal-Prim Ministru Abela se jkun jiddependi mhux mill-ewwel mitt jum iżda min kif imexxi l-ekonomija mid-daqqa kbira li se tieħu mill-pandemija. Insomma mhux is-suċċess jew le tal-Prim Ministru jiddependi minn dan, iżda l-futur tal-pajjiż"

More in Politika