Tmien każijiet ġodda ta' COVID-19; Ħamsa minnhom huma residenti fiċ-ċentru tal-immigranti f'Ħal Far

17-il persuna oħra fiequ għal kollox

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, spjegat kif fl-aħħar 24 siegħa saru 1,072 test u minnhom tmienja rriżultaw pożittiv. Apparti dawn, fuq nota aktar pożittiva, fiequ 17-il pazjent ieħor.

B'hekk it-total tal-każi li kellha Malta sa issa huwa ta' 458 u b'kollox fiequ 303 persuna biex l-għadd tal-każi attivi huwa ta' 151.

Mill-każi ġodda, tlieta biss kienu fil-komunità hekk kif ħames pazjenti huma residenti fiċ-Ċentru Miftuħ ta' Ħal Far, liema ċentru jinsab taħt kwarantina. Il-pazjenti kollha għandhom inqas minn 30 sena. 

Gauci fakkret li f'dan iċ-ċentru qed isiru testijiet fuq diversi residenti. B'kollox, f'dan iċ-ċentru, saru 505 test u minnhom 48 ħarġu pożittivi.

Il-każi l-oħra:

  • Ingliż ta' 52 sena. Jgħix Malta. Kien ilu bis-sintomi mill-20 ta' April. Qed isir contact tracing mal-qraba u l-kollegi tax-xogħol tiegħu għax baqa' jmur ix-xogħol bis-sintomi
  • Ħaddiema tas-Saħħa li għandha 29 sena. Bdiet bis-sintomi fis-26 ta' April. Ħadmet l-aħħar jumejn qabel u għalhekk ma kienx hemm kollegi jew pazjenti esposti.
  • Mara ta' 32 sena li bdiet bis-sintomi fis-6 ta' April. Damet ma marret għat-test għax tbati bl-allerġija u għalhekk ma tatx kas tas-sintomi għax ħasbithom normali. Kien għalhekk li Gauci appellat biex min iħoss sintomi mhux tas-soltu jew inkella jara li s-sintomi qed jiżdiedu, iċempel minnufih il-111. Qed isir kuntatt mal-familja u l-kollegi.

More in Politika