Sant b'ittra biex jappella għall-għajnuna lill-pajjiżi milquta mill-pandemija u l-influss tal-immigranti

L-ittra ntbagħtet lill-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Kunsill Ewropew u tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, fost oħrajn

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant bagħat ittra lill-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Kunsill Ewropew u tal-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, iffirmata b’mod konġunr minn numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej u li fiha appella għas-solidarjetà ma’ dawk il-pajjiżi li se jkunu l-aktar affettwati mill-kriżi tas-saħħa Covid-19 u li wkoll huma milquta mill-influss tal-immigranti.

Fl-ittra, Sant jappella biex it-tħassib dwar il-migrazzjoni jkun ikkunsidrat fil-politika li għandha titfassal biex jipprovdu appoġġ sinifikanti għall-gżejjer fil-Mediterran.

“Minbarra l-problemi maħluqa mill-pandemija tal-koronavirus, ċerti gżejjer fil-Mediterran kellhom ilaħħqu ma' influss ta' migrazzjoni li jaffettwa l-iżvilupp normali tas-sistemi soċjali tagħhom,” saħaq Sant.

Skont l-iktar statistiċi reċenti tal-Eurostat, l-ekonomiji tal-gżejjer qed jesperjenzaw tnaqqis ekonomiku meta mqabbel ma’ reġjuni oħra. Il-pandemija attwali ta' Covid-19 ser tiggrava ħafna din it-tendenza, u tista’ saħansitra tikkawża l-kollass ekonomiku ta’ gżejjer jekk ma jkunux sostnuti biżżejjed.

Fl-ittra, Sant u l-Ewroparlamentari fakkar li t-turiżmu bħala attività fundamentali għall-gżejjer kollha, b’mod partikolari fil-Mediterran, li se jkun affettwat l-iktar mill-konsegwenzi tal-pandemija minħabba d-dipendenza fuq it-trasport bl-ajru u marittimu.

Dawn huma għal kollox wieqfin u mistenni li jibqgħu hekk għal xhur. Bħala riżultat, it-turiżmu se jkun l-aħħar attività ekonomika li tista’ terġa' titqajjem, u mhuwiex ċert li dan se jseħħ qabel tmiem is-sajf.

L-ittra tirreferi wkoll għall-fraġilità potenzjali tal-attivitajiet ekonomiċi fil-gżejjer u tappella għal miżuri speċifiċi ta’ emerġenza u mekkaniżmu ta' solidarjetà rinforzat u adattat biex jipprevjeni, u jillimita l-kriżi ekonomika riesqa lejn il-gżejjer tal-UE.

More in Politika