Jiżdied b'4.3% l-assentejiżmu fis-sena skolastika 2017/2018

Iż-żona tat-Tramuntana tal-pajjiż tirreġistra l-akbar żieda fil-medja ta' assentejiżmu, filwaqt li n-Nofsinhar tal-Port jirreġistra l-akbar medja

Fis-sena skolastika 2017 - 2018 l-assentejiżmu żdied b'4.3% meta mqabbel mas-sena skolastika ta' qabel, iżda minn dawn 62% kienu bl-awtorizzazzjoni tal-iskola. 

F'termini assoluti, studenti maskili kellhom livell ogħla ta' assentejiżmu meta mqabbel ma' dawk femminili. 

Skont dawn iċ-ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika fl-iskejjel tal-Gvern l-assentejiżmu żdied b'6.2% meta mqabbel mas-sena ta' qabel għalkemm il-maġġoranza  - jew 57.5% - kienu awtorizzati. L-assentejiżmu mhux awtorizzat żdied b'5.4% fl-iskejjel tal-istat. 

Minn naħa l-oħra l-iskejjel tal-Knisja raw tnaqqis ta' 2% fl-assentejiżmu u l-iskejjel indipendenti raw żieda ta' 4.9%. 

L-iktar medja baxxa ta' ġranet assenti minn studenti - bi 8.4 ijiem -  hija fost dawk ta' tmien snin, filwaqt li l-ogħla b'medja ta' 24 jum kien fost dawk ta' 16-il sena jew aktar. 

F'termini ġeografiċi l-akbar żieda fl-assentejiżmu kien fid-distrett tat-Tramuntana tal-pajjiż, li jinkludi San Pawl il-Baħar fejn iż-żieda kienet ta' 11.7 ijiem.  L-istudenti fiż-żona tan-nofsinhar tal-Port, jew iż-żona li tinkludi lill-Kottonera, kienet l-aktar li akkumulat f'medja ta' assentejiżmu, b'14.6 jum kull student. 

B'9.4 ijiem kull student, iż-żona tal-punent ta' Malta kienet l-inqas li akkumulat ġranet f'assentejiżmu. 

More in Politika